Salvini jitlob lil Malta tiftaħ il-portijiet għal 239 immigrant

Il-bastiment Lifeline jinsab fl-ibħra Maltin b'239 immigrant abbord

Id-Deputat Prim Ministru Taljan, Matteo Salvini qal li l-Gvern Taljan talab lil Malta biex tiftaħ il-portijiet tagħha għal 239 immigrant li jinsabu fuq il-bastiment Lifeline.

Sa issa Malta għadha ma ħadet l-ebda pożizzjoni dwar dan.

Fuq Twitter, Salvini ddeskriva l-bastiment bħala illegali iżda, minħabba raġunijiet ta' sigurtà tal-ekwipaġġ u l-passiġġieri, ġaladarba l-bastiment jinsab fl-ibħra Maltin, qed jitlob lill-Gvern Malti biex jilqagħhom.

Kompla jgħid li huwa ċar li dan il-bastiment jeħtieġ jiġi ssekwestarat u l-ekwipaġġ tiegħu arrestat.

"Daqshekk traffikar fuq il-baħar," insista Salvini.

L-immigranti ġew salvati mill-NGO wara li ntlemħu abbord żewġ dinghies iffullati aktar milli jmisshom.

Ilbieraħ filgħaxija, il-Gvern Taljan saħaq li l-bastiment, bl-immigranti salvati għandhom jittieħdu l-Olanda, ġaladarba l-bastiment huwa rreġistrat hemm. Iżda aktar tard, il-Ministru għat-Trasport Danilo Toninelli, qal li mhux sigur li dan il-bastiment ibaħħar daqstant fit-tul b'daqshekk persuni abbord.

Intant għalkemm ilbieraħ filgħaxija, fuq Twitter, l-ekwipaġġ ippubblika dokumentazzjoni biex jinsisti li huwa rreġistrat fl-Olanda, il-pajjiż baqa' jinsisti li l-bastiment huwa fir-reġistru tagħha.

L-Olanda saħqet li dan il-bastiment u anke l-bastiment Seefuchs, huwa proprjetà ta' NGOs Ġermaniżi u għaldaqstant mhijiex f'pożizzjoni li tagħti struzzjonijiet lil dawn il-bastimenti.

Skont l-awtoritajiet Olandiżi, il-Gvern Taljan ġie mgħarraf b'din id-deċiżjoni. Kien hawn li Salvini dawwar l-appell tiegħu fuq Malta.

Aktar kmieni dan ix-xahar, Salvini, li ġie elett bl-għajta li l-Italja mhux se tibqa' ġġorr il-problema tal-immigrazzjoni waħedha, għalaq il-portijiet Taljani għal bastiment Aquarius li fuqu kellu aktar minn 600 immigranti abbord.

Malta kienet żammet sod fil-pożizzjoni tagħha, jiġifieri li l-Italja kienet qed tonqos mir-responsabbilitajiet internazzjonali tagħha u għalhekk baqgħet ma aċċettatx l-immigranti. Wara sigħat twal ta' batibekki bejn Malta u l-Italja, kienet Spanja li ħarġet għonqa għal dawn l-immigranti.

Il-bastiment Lifeline li għandu fuqu aktar minn 200 immigrant
Il-bastiment Lifeline li għandu fuqu aktar minn 200 immigrant

More in Politika