'Meta l-Gvern reġa fetaħ l-istaġun tal-insib għamel imħatra politika...' - Saviour Balzan

  • Is-CEO ta' Birdlife tgħid li l-Gvern triq waħda biss għandu wara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja
  • Uffiċjali tal-Birdlife jinsistu li l-art li fuqha jsir l-insib għandha tingħata lura lill-pubbliku

"Il-Gvern kien jaf, meta reġa fetaħ l-istaġun tal-insib, illi dan se jkun sfidat quddiem il-Qorti Ewropea. Kienet mħatra politika mill-Gvern li l-istaġun jerġa jinfetaħ. Issa x'se jagħmel hija responsabilità tiegħu."  Hekk sostna Saviour Balzan, li huwa wkoll is-Segretraju Ġenerali ta' Birdlife f'konferenza tal-aħbarijiet li qed issir wara li dalgħodu l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ) ġiet għall-konklużjoni illi Malta naqqset milli twettaq l-obbligi tagħha f'dan il-qasam u allura kisret id-Direttiva dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Sevaġġi.

Kien il-Gvern preżenti illi fl-2014 reġa fetaħ l-istaġun tal-insib li kien twaqqaf minn Gvern Nazzjonalista fl-2008. Uffiċjali tal-Birdlife qalu li l-Gvern baqa' jiftaħ l-istaġun tal-insib fis-snin sussegwenti minkejja li kien imwissi mill-UE. 

'Jidher ċar illi triq waħda hemm għall-Gvern," sostna l-Kap Eżekuttiv ta' Birdlife Mark Sultana. Huwa fakkar illi Malta kissret id-Direttivi Ewropej u allura l-Gvern m'għandux jerġa jiftaħ l-istaġun tal-insib għall-għasafar tal-għana (ġojjin, gardell, sponsun...).

Fil-konferenza kien imfakkar li hemm 3,400 persuna liċenzjata għall-insib filwaqt li uffiċjali tal-Birdlife qalu li l-art li tħalliet għas-siti fejn isir l-insib għandhom jerġgħu jingħataw lill-pubbliku. 

Il-PN jappella biex tinstab 'soluzzjoni sostenibbli'

B’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea, il-Partit Nazzjonalista saħaq li eluf ta’ nassaba se jispiċċaw ma jistgħux jipprattikaw id-delizzju tagħhom minħabba d-deċiżjonijiet ħżiena tal-Gvern.

Fi stqarrija, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi u Edwin Vassallo qed jappellaw li jkun hemm djalogu serju mal-Kummissjoni Ewropea biex tinstab soluzzjoni sostenibbli li ma tiksirx id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea tal-Għasafar.

“B'dak li għamel il-Gvern Laburista fl-2014 u fl-2015 spiċċa biex tellef id-delizzju tal-insib lin-nassaba u tellef kawża bl-ispejjeż b'kollox lill-poplu Malti,” qal il-Partit Nazzjonalista.

Il-kelliema insistew li s-sistema li ħoloq il-Gvern saret mingħajr pjan fit-tul u mingħajr serjetà għax tinjora kompletament ir-rapporti li saru dwar il-popolazzjoni tal-għasafar.

“Il-Gvern qal li se kienu se jinqabdu 27,000 għasfur u fl-istess hin ħareġ liċenzji għal 40,000 għasfur,” insistew il-kelliema

Temmew jgħidu li minflok mexa mad-Direttiva, il-Gvern għażel li jisfida l-Kummissjoni Ewropea u rema' l-prinċipju tal-applikazzjoni tad-deroga. 

Il-Gvern jiddeċiedi x'passi se jieħu fil-jiem li ġejjin

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleir qal li l-Gvern se jkun qed jiddeċiedi dwar il-passi li se jieħu fil-jiem li ġejjin.

"Il-Gvern jinsab fil-proċess li janalizza l-vedett fid-dettall biex ikun jista' jieħu deċiżjoni fil-jiem li ġejjin."

Waqt li insista li l-Gvern ma għamel xejn illegali meta applika d-deroga, Camilleri qal li l-Gvern ma jistax jieħu deċiżjoni qabel janalizza fid-dettall il-verdett tal-Qorti Ewropea.

More in Politika