Skandlu żejt | 'Fenech ħoloq storja biex jattakka lill-Partit Laburista'

L-eks Ministru Tonio Fenech jitlef libell miftuħ mit-tliet diretturi ta' kumpanija wara li allega li kienu involuti fl-iskandlu taż-żejt

Tonio Fenech
Tonio Fenech

L-eks Ministru Tonio Fenech kien ordnat iħallas €7,500 lit-tliet diretturi ta’ Intershore Fiduciary Services Limited wara li tilef libell li fetħu d-diretturi wara li kien allega li kienu involuti fl-iskandlu taż-żejt.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti saħqet li Tonio Fenech għamel dawn l-allegazzjonijiet biex jitfa’ dell fuq il-Partit Laburista wara li l-gazzetta MaltaToday kienet żvelat l-istorja dwar dan l-iskandlu. 

Intershore Fiduciary Services Limited kienet is-sid ta’ George Farrugia Aikon ltd, qabel mal-imprenditur sar is-sid ewlieni tal-kumpanija f’Jannar tal-2011.

Id-diretturi li rebħu l-libell huma l-eks kandidat Laburista Joe Cordina, Carmel Scerri u l-eks kandidat Nazzjonalista Martin Fenech.

X'kien qal Fenech?

Tonio Fenech, waqt programm fuq NET TV, lura fl-2013, kien allega li t-tlieta li huma kienu involuti fl-iskandlu dwar ix-xiri taż-żejt.

Fenech kien allega li l-kumpanija Aikon Limited kienet qed tirċievi flus mingħand produtturi taż-żejt li mbagħad kienu qed jintużaw biex ixaħħmu uffiċjali tal-Enemalta biex jixtru ż-żejt mingħandhom.

Fil-libell, it-tlieta li huma saħqu li l-allegazzjonijiet ta’ Fenech kienu ntiżi biss “biex joffendu l-unur u jtappnu r-reputazzjoni u l-kredibilità." 

Libell ukoll kontra l-edituri tan-Nazzjon u l-Mument

Cordina kien fittex ukoll lill-editur tan-Nazzjon, Alexander Attard wara artiklu ppubblikat fit-22 ta’ Frar tal-2013, bit-titlu: “L-Amministratur Finanzjarju tal-MLP wara l-iskandlu taz-zejt,” u anke lill-editur tal-Mument Victor Camilleri wara artiklu f’suppliment li deher fl-24 ta’ Frar tal-2013.

Il-bażi tal-istorja kienet l-eżistenza ta’ Aikon Limited u l-allegazzjoni li kienet qed tintuża mis-sid benefiċjarju tagħha, George Farrugia, biex jirċievi flus mingħand kumpaniji taż-żejt li mbagħad jintużaw biex jiġu mxaħħma uffiċjali tal-Enemalta.

X'ikkonkludiet il-Qorti?

Il-Qorti saħqet li Fenech ibbaża l-allegazzjoni tiegħu fuq dokument wieħed mingħajr ma ħares lejn sorsi oħra.

Mill-banda l-oħra saħqet li t-tliet diretturi taw rendikont ċar tar-relazzjoni tagħhom ma’ Farrugia u li meta kien hemm l-ewwel indikazzjoni jew suspett ta’ diżonestà, il-kumpanija Intershore Fiduciary Services Limited mill-ewwel bdiet investigazzjoni interna u wara li s-suspetti fuq Farrugia saru fatti, huma waqqfu r-relazzjoni professjonali miegħu fl-1 ta’ Novembru tal-2010.

Investigazzjoni tal-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil ta’ Flus (FIAU) ma kienet sabet l-ebda nuqqas min-naħa tal-kumpanija Intershore Fiduciary Services Limited u dan għall-kuntrarju ta’ dak li kien qal Fenech.

“Huwa ċar li Fenech kien qed jipprova joħloq storja biex jattakka lura lill-Partit Laburista li dak iż-żmien kien qed jattakka lill-Partit Nazzjonalista bl-istorja dwar l-iskandlu taż-żejt,” saħqet il-Qorti.

Iddikjarat ukoll li l-konklużjonijiet ta’ Fenech kienu bbażati fuq rapport ta’ Joseph Zammit, li kien tqabbad mill-aħwa ta’ George Farrugia biex juru li ħuhom kien qed iqarraq bihom u li allura r-rapport kien qed jipprovdi naħa waħda biss tal-istorja.

Kien għalhekk li Tonio Fenech kien ordnat iħallas €1,500 lil Cordina u €3,000 kull wieħed lil Scerri and Fenech.

Victor Camilleri kien ordnat iħallas €2,000 filwaqt li Alexander Attard inħeles mill-akkużi.

More in Politika