Il-President tinsisti li se tiffirma l-liġi tal-IVF għax m'għandhiex għażla oħra

  • Tagħmilha ċara li l-embrijun huwa bniedem u li jekk nilgħabu mal-valur tal-ħajja l-fibra morali tal-pajjiż titmermer
  • F'ittra lill-Parlament tgħid li se tiffirma biss biex tirrispetta l-proċess demokratiku 

Il-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca se tkun qed tiffirma l-Liġi tal-IVF kif emendata bl-iffiriżar tal-embrijun, imma fi stqarrija għamlitha ċara illi dan ser tagħmlu għax m'għandhiex għażla reali oħra. "Wara li ħadt diversi pariri etiċi, morali u legali minn persuni kompetenti, u wara proċess twil ta’ riflessjoni u dixxerniment, jiena wasalt fil-kuxjenza tiegħi għad-deċiżjoni li niffirma dan l-Att. Irrid nagħmilha ċara li din id-deċiżjoni mhix kompromess etiku mal-fehmiet sodi tiegħi u mal-valuri personali tiegħi dwar il-ħajja umana, il-familja u l-ġid sħiħ tat-tarbija mnissla."

Hi kompliet tgħid li 'kull bniedem, anke fi stat embrijoniku, m’għandu qatt jiġi wżat bħala oġġett jew li intenzjonalment jitpoġġa f’riskju li ma jkomplix jiżviluppa b’mod normali.  L-isfida tas-soċjeta’ tagħna hija li tkompli tipproteġi lil kull min huwa dgħajjef, inkluż l-embrijun. Il-fibra morali ta’ l-Istat Malti titmermer jekk titlef ir-rispett lejn il-ħajja umana fl-istadji kollha tagħha."

Minkejja dan Coleiro preca qalet li se tiffirma l-liġi kif emendata wara li ħadet pariri legali hejkk kif fil-fatt m'għandhiex setgħa tirrifjuta li tiffirma. "Qed niffirma dan l-Att kif ġie ppreżentat lili mill-Gvern u dan qed nagħmlu biss b’rispett sħiħ u b’lealta’ lejn il-proċess demokratiku ta’ pajjiżna u l-Kostituzzjoni, li ma jagħtinix setgħat leġislattivi, ħlief  li niffirma l-liġijiet wara li jkunu ġew approvati  mill-Parlament.  Aktar minn hekk, jiena marbuta bil-Kostituzzjoni li naġixxi fuq il-parir tal-Gvern tal-ġurnata jew ta’ Ministru tal-Gvern u fil-kaz ta’ abbozzi ta’ l-liġijiet approvati mill-Parlament, jiena obbligata li niffirmahom mingħajr dewmien."

More in Politika