Insib | Il-Qorti Ewropea tiddikjara li 'Malta naqqset milli twettaq l-obbligi tagħha'

Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tgħid li Malta qed tmur kontra l-kundizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi

Dalgħodu, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonkludiet li Malta, bl-adozzjoni ta' sistema derogatorja partikolari li tippermetti l-insib għal seba' speċi ta' għasafar selvaġġi, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni .

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tiddikjara li din is-sistema ma hijiex konformi mal-kundizzjonijiet stretti previsti mid-Direttiva dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi u għalhekk se tippreżenta rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligi kontra Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

'Il-Gvern qed jevalwa d-deċiżjoni bir-reqqa'

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, il-Gvern, waqt li saħaq li din id-deċiżjoni mhux appellabbli, qal li qed jevalwa din id-deċiżjoni bir-reqqa biex kull deċiżjoni li jieħu tkun studjata.

Insista li l-Gvern għamel dak kollu possibbli biex iħalli l-insib għaddej u ddedika r-riżorsi kollha biex jiddefendi l-każ bl-aħjar mod, anke mal-għaqdiet li jirrappreżentaw lin-nassaba bil-għan "li t-tradizzjoni tibqa' fis-seħħ."

'Is-sistema ta' Malta ma tissodisfax il-kundizzjonijiet'

Fl-2014 u fl-2015, Malta awtorizzat l-insib għal seba' speċi ta' għasafar tal-għana bl-użu ta' xbiek tradizzjonali, bil-kundizzjoni li jiġu osservati numru ta' kundizzjonijiet, dan anke għax Direttiva tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jipproteġu diversi speċi ta' għasafar, tippermetti li l-istess pajjiżi jidderogaw minn dan l-obbligu jekk ma jkunx hemm soluzzjonijiet oħra.

Dan seta' jsir biss "taħt kundizzjonijiet ta' sorveljanza stretta u b'mod selettiv, il-qabda, iż-żamma jew kwalunkwe użu meqjus ieħor ta' ċerti għasafar f'numru żgħar."

Iżda, illum, fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Ewropea "tqis li s-sistema derogatorja prevista minn Malta matul dawn is-sentejn ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tad-Direttiva."

Is-sentenza tiddikjara li:

  • Il-miżuri tal-2014 u tal-2015 li jawtorizzaw l-insib tal-għasaar tal-għana fil-ħarifa ma humiex konformi mad-Direttiva peress li ma jinkludu ebda indikazzjoni dwar l-ineżistenza ta' soluzzjoni sodisfaċenti oħra (aqra t-tielet paragrafu)
  • Malta ma osservatx il-kundizzjoni tad-Direttiva li d-deroga awtorizzata għandha tikkonċerna biss "numri żgħar" ta' għasafar
  • Tqis li lanqas il-kundizzjoni li teżiġi li għandu jiġi awtorizzat biss l-insib selettiv għal għasafar tal-għana ma hija ssodisfatta.
  • Malta ma stabbilixxitx li d-deroga inkwistjoni tintuża taħt kundizzjonijiet ta' sorveljanza stretta fis-sena tad-Direttiva.

Studju tal-BirdLife sab li...

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ħadet inkonsiderazzjoni diversi fatturi, fosthom studju ta' BirdLife Malta li sar fl-2007 u li jikkonkludi li l-insib f'Malta tant huwa intensiv li numru żgħir ferm ta' individwi ta' kull waħda mill-ispeċi komuni ta' għasafar tal-għana jirriproduċu b'mod abitwali fuq il-gżira, filwaqt li jirriproduċu f'numru kbar f'reġjuni oħra tal-Mediterran.

23% tan-nassaba kienu suġġetti għall-verifiki

Il-Qorti Ewropea qalet ukoll li f'Malta hawn madwar 4,000 detentur ta' liċenzja u madwar 6,400 nassab irreġistrat. Dan ifisser, tisħaq il-Qorti, li kienu biss 23% tan-nassaba li kienu suġġetti għall-verifi individwali u saħqet li dan l-ammont "huma insuffiċjenti."

Tkompli tgħid li l-insib f'siti protetti ta' Natura 2000, kien pjuttost frekwenti matul l-istaġun tal-insib tal-ħarifa tal-2014.

AD: 'Li l-insib jibqa' jsir kienet biss fantażija tal-Gvern...'

Intant Simon Galea Kelliem tal-Alternattiva Demokratika ghall-Agrikoltura u Żvilupp Rurali qal:"Alternattiva Demokratika tilqa' din is-sentenza għax tfisser aktar ħarsien tal-ambjent naturali u tal-flora u l-fawna ta' pajjiżna. Il-Gvern daħaq bin-nassaba billi qalilhom li jista' jibqa' jsir l-insib f'pajjiżna. Din kienet biss fantażija tal-Gvern."

Kaċċaturi San Ubertu iwaħħlu fil-miżinformazzjoni tal-Birdlife

Fi stqarrija l-Kaċċaturi San Ubertu (KSU) qalet li ser tuża il-mezzi kollha tagħha biex tanalizza il-verdett tal-Qorti u kif dejjem għamlet biex tiddefendi il-prattiċi tal-kaċċa u l-insib ser tieħu l-passi necessarji.

Il-KSU tinnota li tali manipulazzjoni tal-fatti "influwenzat il-Qorti Ewropea u li l-verdett tagħha ma’ jirriflettix ir-realtà ta’ prattika ikkontrollata u limitata ta’ parti sostanzjali tas-soċjeta Maltija li għandha għal qalbha ir-rispett u mħabba ta’ l-għasafar u li għandha tiġi imsaħħa u mhux ikkastigata."

 

 

More in Politika