Delia jallega li l-Gvern jaħtar lil Vella Imħallef biex il-mandant tal-qtil ta' Daphne ma jinstabx

Adrian Delia isejjaħ 'manuvra miskina' jekk il-Gvern jaħtar lilll-Maġistrat Anthony Vella, Imħallef kif fil-fatt Vella qal li se jiġri

Adrian Delia, Kap tal-PN
Adrian Delia, Kap tal-PN

Waqt li kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjon NET il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia irreaġixxa għax-xniegħat li l-Maġistrat Anthony Vella, li bħalissa qed imexxi l-inkjesta fuq l-assasinju ta' Daphne Caruana Galizia, se jinħatar Imħallef. 

Kien Vella stess li mal-MEPs Ana Gomes, Sven Giegold u David Casa, tliet ġimgħat ilu ammetta li teżisti l-possibilità li jinħatar Imħallef mill-Gvern. Hu kien wiegħed li se jlesti kemm jista' xogħol fuq din l-inkjesta sa meta fil-fatt jinħatar.

Delia staqsa għalfejn se jsir dan ladarba il-Gvern qed jitkellem tant dwar kemm jixtieq li ssir ġustizzja fil-każ tal-assasinju ta' Daphne Caruana Galizia, qabel imbagħad kompla jallega li "l-iskop tal-Gvern mhux nobbli. Imma manuvra miskina biex il-vera mandant wara l-assasinju ma jkunx magħruf."

Filwaqt li l-inkjesta fil-qtil ta' Caruana Galizia qed issir minn Vella, il-każ fil-konfront tal-Fulu, iċ-Ċiniż u l-Koħħu, akkużati bil-qtil ta' Caruana Galizia, qed jitmexxa mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. 

More in Politika