Mc Kay isejjaħ bħala 'ostaklu kbir' l-kirjiet għal dawk li jkunu segwew rijabilitazzjoni

Leonid Mc Kay b'aċċenn partikolari fuq it-tbatijiet li persuni li jkunu għamlu programm ta' rijabilitazzjoni jiffaċċjaw minħabba li "l-kirjiet privati splodew"

"Li persuna ssib akkomodazzjoni affordabbli wara li bdiet titfa' saqajha lura fil-komunità saret ostaklu kbir, mhux xi sigriet li ngħidu li għandna persuni li qed isibuha diffiċli jagħmlu l-pass li jmiss wara l-fażi tagħhom f'residenza fejn jingħataw rijabilitazzjoni ."

Qal dan id-Direttur ta' Caritas Malta Leonid Mc Kay waqt iċ-ċerimonja  ta’ Gradwazzjoni 2018 li se ssir fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas. 

Hu sostna li llum kulħadd jammetti li l-kirjiet privati splodew "sforz l-iżvilupp ekonomiku li qed nesperjenzaw. Meta iktar minn terz tad-dħul ta' familja tmur għall-spejjeż relatati ma' housing hemm problema." Mc Kay fakkar illi li jkollok post diċenti affordabbli huwa dritt mhux lussu, "l-istat huwa responsabbli li jara li kull persuna jkollu dan id-dritt salvagwardjat." 

Filwaqt li esprima sodisfazzjon għall-proġetti ta' housing li qegħdin jew huma ppjanati li jsiru, qal ukoll illi l-Caritas qed tistenna bil-ħerqa l-proposti tal-Gvern dwar din il-kwistjoni. 

Kienet l-ILLUM illi żvelat kif il-White Paper li tirrigwarda l-kirjiet privati ġiet approvata fuq livell ta' Kabinett. 

Mc Kay esprima sodisfazzjon għall-għajununa li l-Caritas qed tingħata mill-Gvern anke permezz ta' post ieħor li joffri rijabilitazzjoni din id-darba għall-adoloxxenti u minorenni. Huwa żvela kif il-permess għal din il-binja diġa ingħata mill-Awtorità tal-Ippjanar. 

"Għal sena oħra rreġistrajna iktar u iktar persuni li qed ifittxu l-għajnuna tagħna għax għandhom dipendenza fuq il-kokaina. U aktar 
ħabtu l-bibien tagħna minħabba l-użu (mhux neċessarjament dipendenza fuq) tal-kannabis. Xejn ġdid meta tħares lejn ix-xejriet 
Ewropej. U għalhekk f’din is-sena implimentajna numru ta’ miżuri sabiex il-programmi tagħna jirrispondu aħjar għal dawn il-ħtiġijiet tal-lum."

Mc Kay reġa sostna l-pożizzjoni ta' Caritas Malta kontra l-legalizzazzjoni tal-marijuwana għal skopijiet rikreattivi u wera' sodisfazzjon gġal dak li sejjaħ bħala kunsens illi din hija droga. 

 

More in Politika