'Azzopardi qed jigdeb u jerġa' juża l-privileġġ parlamentari' - PL

Ilbieraħ, Jason Azzopardi staqsa kif id-Deputat Laburista Robert Abela donnu kien jaf informazzjoni dwar it-telefonati relatati mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Il-Partit Laburista akkuża lill-Kelliem tal-Oppożizzjoni, Jason Azzopardi, li qed jigdeb u li għal darb'oħra qed "jabbuża mill-privileġġ parlamentari."

Fi stqarrija, il-Partit Laburista għamel referenza għas-seduta parlamentari tal-bieraħ, meta Azzopardi staqsa jekk id-Deputat Laburista Robert Abela kellux tagħrif mis-Servizz Sigriet dwar it-telefonati relatati mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Dan wara li r-rapport ta' tliet Membri tal-Parlament Ewropew Ana Gomes, Sven Giegold u David Casa, jgħid li: "PL (MP Robert Abela) clarified that there was never any mention of the murder of Daphne Caruana Galizia in the phone interactions."

Il-Partit Laburista insista li  Robert Abela, flimkien ma’ deputati Laburisti oħra, "kien qed jaqbeż għal Malta quddiem l-attakki inġusti orkestrati mill-Partit Nazzjonalista."

Spjega li Abela kien irrefera għal stqarrija tal-istess Malta Security Service fejn kienet miċħuda l-akkuża tal-istess Jason Azzopardi li l-MSS kellu xi informazzjoni ta’ kwalunkwe xorta minn qabel dwar pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.

L-istqarrija ttemm bil-kummenti ta' Abela u insista li "aġir bħal dan ikompli juri wkoll kif fil-PN baqa’ kollox l-istess minkejja l-mod ġdid li wiegħed Adrian Delia.”

More in Politika