Twissija biex Malta ma tispiċċax bi blokok jew żoni sħaħ ta' appartamenti vojta

Frank Salt, iwissi kontra ħafna proprjetà tal-istess tip li tidħol fis-suq fl-istess ħin u jappella għal kawtela fil-prezzijiet

Appartamenti kemm trid...fejn tipparkja xejn
Appartamenti kemm trid...fejn tipparkja xejn

F'artiklu pjuttost qawwi negozjant fil-qasam tal-proprjetá sostna li pajjiżna m'għandux jagħmel l-istess żbalji li saru fil-passat f'pajjiżi oħrajn li wasslu għal bosta żoni u villaġġi sħaħ b'appartamenti vojta. Frank Salt sostna, "ejja ma nagħmlux dak li għamlu l-kollegi tagħna fi Spanja, l-Portugal u postijiet oħra, fejn blokok sħaħ u villaġġi jinsabu vojti u mhux mibjugħa." 

Fuq il-ġurnal The Times Salt, li jmexxi waħda mill-akbar aġenziji tal-proprjetà f'pajjiżna insista illi s-suq m'għandux jimtela' b'wisq proprjetajiet tal-istess tip, fl-istess ħin. Huwa qal li bħalissa qed jidħlu fis-suq wisq proprjetajiet fl-istess ħin "u xi kultant mhux it-tip ta' proprjetà li s-suq għandu bżonn..."

Huwa għamel aċċenn għas-sitwazzjoni tal-preżent u qal illi ftit ħaddiema qed jiġu minn barra b'pagi li jkunu jifilħu kirjiet għoljin, "imma ħafna oħrajn ma jifilħux iħallsu dawn il-prezzijiet allura qed imorru fi proprjetajiet ta' livell inqas jew inkella qed jaqsmu appartament b'kamra tas-sodda waħda, bejn tnejn, tlieta u xi kultant aktar nies." 

Filwaqt li qabbel is-sitwazzjoni ta' Malta ma' dik f'Londra fis-60ijiet, meta bdiet togħla l-proprjetà u għolew il-kirjiet ukoll, sostna illi sidien ta' proprjetajiet f'żoni aktar mfittxija għandhom ikunu aktar sensibbli meta jiġu għall-prezzijiet. 

"Ejjew nagħtu parir lill-awtoritajiet dwar liema tip ta' proprjetà hawn domanda għaliha, ħalli jkollna l-proprjetajiet it-tajbin li jkunu offruti fuq is-suq...ejja nibnu biss proprjetajiet li huma estetikament sbieħ...is-sidien għaddejjin tajjeb," ifakkar Salt "għaliex mhux qed idardru l-għajn li jixrobu minnha ('not killing the goose that lays the golden eggs')." 

Salt qal li ħafna aġenti tal-proprjetà jaqbdu u jaċċettaw il-prezz li sid il-proprjetà ikun irid. 

More in Politika