Intervista | ‘Ma nifilħux nerġgħu nitilfu kif tlifna... għall-ġid tad-demokrazija’

Iħoss li qed isir wisq żvilupp ‘żejjed’.  Jemmen li hemm wisq interessi f’Paceville biex isiru l-bidliet meħtieġa. Jappella lin-Nazzjonalisti biex jingħaqdu ħalli ma nsirux ‘one party state’.  Albert Buttigieg intervistat mill-gazzetta ILLUM

ritratt: James Bianchi
ritratt: James Bianchi

Għex 20 sena minn ħajtu bħala qassis, imma issa ilu tliet snin fil-politika. Kien ukoll fit-tmun tal-Awtorità tad-Djar u issa Viċi Sindku ta’ San Ġiljan;  Albert Buttigieg.

Il-ġimgħa l-oħra kiteb artiklu li kien pjuttost qawwi dwar il-Partit Nazzjonalista u iktar minn ħaġa oħra, għall-inqas għall-għajn li qed tħares minn barra mill-Partit Nazzjonalista, messaġġ onest għall-għaqda.

Imma l-intervista qiegħda ssir fid-dell ta’ kwistjoni umanitarja li setgħet waslet għal traġedja u allura r-rifjut tal-Italja li tieħu 600 immigrant minkejja li kienu fl-ibħra koperti mill-Italja. Nistaqsih; sar ħafna diskors dwar dak li hu legali u dak li le, imma taħseb illi fid-diskussjoni dwar dak li hu legali nsejna naħsbu fl-aspett uman?

 “Ara, teknikament il-Gvern kien korrett. Ir-regolamenti huma dawk li huma. L-Oppożizzjoni wriet maturità u f’mumenti bħal dawn irridu nikkunsidraw lill-pajjiż bħala l-ewwel, qabel il-partit,” sostna Buttiegieg f’eku ta’ dak li kien qal il-Kap tal-PN Adrian Delia fil-Parlament.

“Imma naħseb li stajna wrejna iktar solidarjetà,” ikompli jgħid mill-ewwel, “naqbel ma’ dak li qalet il-UNHCR meta fakkret illi l-umanità għandha dejjem tiġi qabel il-politika.”

Jgħid illi jemmen li dak kollu li sar kien tajjeb, “imma l-Gvern u l-Prim Ministru kif ukoll il-klassi politika kollha Maltija kienet toħroġ b’aktar unuri kieku wrejna aktar solidarjetà.”

“Iċ-ċiviltà tagħna hija mibnija fuq is-solidarjetà,” ifakkar Buttigieg li jgħid illi issa huwa importanti li ssir ħidma biex ma jerġgħux jinħolqu preċedenti ġodda fil-futur.

‘Delia qed jitkellem dwar ħaddiem li jrid jgħix u jħallas il-kera hawn’

Imma Buttigieg iħossu komdu b’diskorsi tal-Kap tal-PN li poġġew lil persuni barranin, speċjalment ommijiet barranin, fl-attenzjoni? Jaqbel ma’ diskors, ħafna minnu fl-arja, dwar il-barranin u kif dawn huma periklu għall-identità tagħna, kif għamel Delia nhar Jum il-Ħaddiem?

“Meta titkellem fuq il-barranin u l-immigranti qed titkellem dwar suġġett diffiċli u sensittiv. Xi kultant ikollok intenzjoni u xi ħadd idawwar dak li qed tgħid,” qal Buttgieg li jagħmel referenza għal stqarrija illi fiha l-aġenti tal-proprjetà qed iwissu illi l-influss ta’ barranin jista’ jwassal biex numru ta’ nies, inkluż Maltin, ikunu sfurzati ’l barra mill-post li qed jikru minħabba domanda li tgħolli l-prezzijiet b’mod astronomiku.

“Delia fuq hekk kien qed jitkellem,” sostna Buttigieg, “kien qed jitkellem fuq dak il-ħaddiem li jrid jgħix u jaħdem hawn, li jrid iħallas il-kera fl-aħħar tax-xahar. Din hija problema li tmur lil hinn mill-politika għax hija kwistjoni ta’ spazju.”

U malli jsemmi spazju, l-intervista ddur fuq l-ambjent u l-effett tal-popolazzjoni dejjem tikber fuq l-ispazju limitat f’pajjiżna

‘Tieħu art pubblika u biex tgawdi int, se nbati jien...’

Jibda billi jesprimi tama li ħadd ma juża l-problema ta’ spazju bħala raġuni biex issir riklamazzjoni tal-art, xi ħaġa li hu jagħmel ċar illi huwa kontra.

Imma hekk kif qed jitkellem isemmi l-bini żejjed. Xi jrid ifisser b’żejjed? “Jista’ jkun li qed nibnu iktar milli għandna bżonn.”

Imma kif qed jgħid hekk, meta mumenti ilu qal illi ġejjin ħafna nies f’pajjiżna? “Inti temmen li dawn il-barranin li ġejjin pajjiżna jew il-first time buyers jew is-second time buyers se jifilħu jixtru dawn l-appartamenti?” jistaqsi Buttigieg b’referenza  għall-appartamenti bi prezzijiet miljunarji.

“Dan apparti li hemm postijiet ukoll fejn m’għandniex inkomplu nibnu.” Nisaqtsih jagħti eżempju. “Paceville għaddej  żvilupp aggressiv, għandek ħafna permessi li ħarġu għal proġetti bħal Mercury House u issa proġett ieħor f’San Ġorġ.”

Inwaqqfu hemm u nfakkru lil Buttigieg illi l-kontro-argument huwa li dawn il-proġetti qed joħolqu x-xogħol u se jfissru investiment qawwi.

Huwa d-dritt tiegħek li tibni, imma mhux askapitù ta’ xi ħadd ieħor. Dan huwa l-ġid komuni, jew se jkollna l-ġid komuni jew il-liġi tal-ġungla

Imma dlonk jgħidli illi l-investiment, “ma jiġix biss mill-kostruzzjoni. Irridu nifirxu l-ekonomija, lil hinn mill-bini. Imma ejja nitkellmu dwar il-każ ta’ San Ġorġ (il-proġett li se jkun qed isir mill-kumpanija DB fuq art tal-Gvern mogħtija lill-kumpanija għal €60 miljun bi ħlas inizzjali  - premium - ta’ €15-il miljun).”

“Mela f’dan il-każ għandek l-iżvilupp fuq art pubblika u biex tgawdi int inbati jien, nidfnek...” qal Buttigieg f’eku għall-Oppożizzjoni ta’ residenti minn Pembroke li qed jinsistu li dan l-iżvilupp se jimpinġi fuq il-livell ta’ għixien tagħhom, fosthom il-volum tat-traffiku li mistenni jiżdied, tniġġis mill-kostruzzjoni u t-torri ta’ 19-il sular li jinsistu li se jkun qed jgħatti d-dawl tax-xemx.

“Huwa d-dritt tiegħek li tibni, imma mhux askapitù ta’ xi ħadd ieħor. Dan huwa l-ġid komuni, jew  se jkollna l-ġid komuni jew il-liġi tal-ġungla, fejn min hu b’saħħtu jkisser lil min mhux.”

Imma Buttigieg u l-Kunsilli Lokali qed jitolbu bidliet? U x’bidliet qed jitolbu? “L-ewwel nett irid isir assessjar tal-impatt fuq in-nies u fuq l-infrastruttura, jekk hux drenaġġ, jekk hux toroq. L-infrastruttura hemm bżonn issir qabel ma jsir l-iżvilupp.”

U l-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħti appoġġ b’mod uffiċjali lir-residenti jew le? Buttigieg jgħid biss li l-Kunsilli Lokali kollha tal-madwar, inkluż Kunsillieri Laburisti qed jitkellmu b’mod ċar kontra dan l-iżvilupp.

‘M’hemmx biżżejjed rieda politika biex l-affarijiet f’Paceville jinbidlu..’

Nersqu ħarira, mill-bajja ta’ San Ġorġ għal ġo Paceville. Din il-gazzetta ilha tirrapporta dwar is-sitwazzjoni ta’ Paceville b’mod prominenti, b’diversi artikli dwar rapporti li kienu saru minn Gvern Nazzjonalista fl-2012 iżda li baqgħu jżejnu l-ixkaffa u jrabbu t-trab.

Inti tara li sar progress? nistaqsih. “Jekk ngħid li ma sarx progress inkun qed nigdeb, imma sar biżżejjed?”

Filwaqt li jgħid li hu ma jaħsibx li qed isir biżżejjed,  jgħid illi l-problema hija “ħafna interessi ta’ flus u allura l-affarijiet ma jimxux sew... jiġifieri jien nagħmel lobbying, int tagħmel lobbying , jien nagħlaq għajn u inti tagħlaq għajn.”

Imma x’qed jipprova jgħid eżatt Buttigieg? “Ħa ngħidha ċara u ngħidha b’rispett. Xi kultant ikun hemm familjarità żejda bejn il-Pulizija u ċerti stabbilimenti...” jgħid Buttigieg mingħajr ma jagħti aktar dettalji.

Jien ma dħaltx fil-partit minħabba Simon Busuttil jew Adrian Delia. Dħalt fil-PN minħabba l-valuri li jħaddan

Imma Buttigieg jaħseb li kemm ilu li nbidel il-Gvern żdied in-nuqqas ta’ infurzar? Hekk qed jipprova jgħid? “Jien naħseb li s-soluzzjoni hija li l-Pulizija jkunu awtonomi, b’mod partikolari f’din iż-żona u ma jieħdu ordnijiet mingħand ħadd u telefonati mingħand ħadd.”

Nitolbu jkun iktar konkret u jsemmi każ ta’ telefonati li jsiru lill-pulizija, kif qed jimplika. Buttigieg iżda ma jispeċifikax. Jassigurani, li dak li qed jgħid hu ma jfissirx li n-negozji m’għandhomx jagħmlu flus, “imma kollox irid isir b’etika u rispett. Anke l-bankini ħadu biex jibnu l-kjosks,” jgħid b’referenza għal permess biex jinbena kjosk fuq bankina wiesgħa ħdejn lukanda ewlenija fil-pajjiż. 

Isemmi wkoll l-għassa f’Paceville; proposta imma ma saret qatt. Isemmi latrina;  proposta imma ma saret qatt u jsemmi wkoll l-ambulanza.

“Hemm nuqqas ta’ infurzar tal-liġi u m’hemmx biżżejjed rieda politika biex l-affarijiet jinbidlu f’Paceville. Din ġejja minn diversi fatturi fosthom, kif diġà għidt, interessi finanzjarji.”

Hu jinsisti li kull min jinqabad jikser il-liġi għandha titteħidlu l-liċenzja.

Ma jaqbilx ma’ durata minima għal kirja privata

Bħala persuna li kienet tokkupa l-ogħla kariga fl-Awtorità tad-Djar taħt Gvern Nazzjonalista (tneħħa mill-kariga fl-2013, ftit wara li kien elett Gvern ġdid)  staqsejt lil Buttigieg x’jaħseb dwar il-White Paper li suppost għandha tkun ippubblikata sa qabel ma jagħlaq il-Parlament.

“Noqogħdu attenti,” tkun l-ewwel ħaġa li jgħid. “Jekk nissikkaw ħafna l-privat jieqaf jikri u jekk jiġri hekk in-nies se jmorru għand il-Gvern.”

“Naqbel ħafna mal-proposta li kull kirja jkollha kuntratt,” jgħid Buttigieg għal waħda miż-żewġ miżuri prinċipali li jidher illi se jiddaħħlu fil-White Paper dwar il-krjiet privati. Imma jaqbel mal-proposta l-oħra illi kirja jkollha durata minima? “Le, ma naqbilx. Jekk jien għandi post u rrid nikrihulek għal sitt xhur għandi dritt nagħmel dan. Basta nonora l-kuntratt,” sostna l-eks Chairman tal-Awtorità tad-Djar.

“Naqbel illi ninċentivak billi tħallas inqas taxxa aktar kemm id-durata tkun twila, imma tinċentiva mhux li timponi.”

Buttigieg jgħid li durata speċifika jew minima se tkun diffiċli li ssir, speċjalment fid-dawl tal-fatt illi għandek żewġ klassijiet ta’ nies, barranin li jikru u Maltin li jikru.

Kont avviċinat miż-żewġ partiti biex nikkontesta l-elezzjoni

U allura bdejna naslu fit-tmiem tal-intervista u ma stajx ma nagħmilx referenza għal artiklu li Buttigieg kien kiteb u li ġie ppubblikat fuq il-gazzetta The Times. F’dan l-artiklu miktub fil-forma ta’ appell Buttigieg qal hekk: “After the second consecutive drubbing and an internal acrimonious process in nominating its top brass, the party is not only experiencing an identity crisis – what does the party really stand for today – but alas a deep divide.”

Immur lura għal passat riċenti u nsemmi lill-eks Kap tal-PN Simon Busuttil; għal Buttigieg dan kien jirrapreżenta aktar dak li jemmen fih hu? “Jien ma dħaltx fil-partit minħabba Simon Busuttil jew Adrian Delia. Dħalt fil-PN minħabba l-valuri li jħaddan – il-valur tal-etika u n-negozju li jsir b’mod etiku, tas-solidarjetà, tal-ugwaljanza u tal-governanza tajba. Dawn huma l-valuri li nemmen fihom jien.

Jispjega kif kien avviċinat miż-żewġ partiti biex joħroġ għall-elezzjoni, imma hu għażel il-PN. “Il-Partit Laburista fil-passat ħassejt illi kien partit li jrid jikkontrolla kollox. Fi żmien Alfred Sant kien sar partit ħafna iktar sahan, imma illum huwa wisq neo-liberali u kapitalist, fejn l-għan jiġġustifika l-mezz u bla prinċipji. Aktar kont nidħol fil-Partit Laburista meta kien immexxi minn Alfred Sant.”

Huwa jammetti li l-PN għamel żbalji, “imma mbagħad għandu track record tajjeb ħafna.”

Il-Kap tal-PN Adrian Delia
Il-Kap tal-PN Adrian Delia

‘Il-barunijiet tal-barunijiet ta’ Alfred Sant saru l-ħbieb tal-ħbieb ta’ Muscat’

Kien jaħseb Buttigieg li l-PN se jitlef daqstant bil-kbir fl-2017? “le għax ħsibt li l-poplu mhux se jħares daqstant sal-ponta ta’ mnieħru.”

Jiġifieri qed jgħid li l-poplu ħares sal-ponta ta’ mnieħru meta eleġġa lill-PL fil-Gvern? “Le mhux il-poplu kollu, imma iva kien hemm settur ta’ nies li raw x’se jakkwistaw  huma biss. Nemmen li l-PL qabel l-aħħar elezzjoni uża ħafna il-‘power of incembency’ billi qeda diversi nies.”

Buttigieg jgħid li llum il-PL sar magna tal-customer care u gvern li jaqdi l-egoes il-kbar tal-pajjiż (‘massaging bug egos’). “Illum il-barunijiet tal-barunijiet ta’ Alfred Sant saru l-ħbieb tal-ħbieb ta’ Muscat.”

Minkejja dan Buttigieg xorta jammetti li d-distakk fl-aħħar elezzjoni ddiżappuntah.

Jaħseb li Busuttil kellu jibqa’? “Wieħed jirrispetta d-deċiżjoni. Imma jien personalment iva kont ningħaqad ma’ ħafna li ħasbu li Simon kellu jistenna. Vera tilef il-PN imma b’daqshekk ma waqgħetx d-dinja.” Hu jgħid illi Busuttil irreżenja għaliex “xorob” ħafna mill-valuri  Ewropej.

‘Jiena kritiku, imma leali u onest...’

Filwaqt li jħoss li m’għandux isir iffukkar żejjed fuq id-diviżjoni, huwa fakkar illi diviżjoni jew nuqqas ta’ qbil mhux xi ħaġa tal-PN u hawnhekk fakkar fil-ġlieda bejn Mintoff u Boffa, b’dan tal-aħħar jifforma partit għalih (Malta Workers Party), il-battibekk bejn l-eks Mexxej Laburista Alfred Sant u l-eks Mexxej Laburista Dom Mintoff u li ra l-waqgħa ta’ Gvern Laburista u anke diviżjoni li jgħid li jista’ hemm fil-PL illum.

Dwar il-PN huwa jgħid li hu “kritiku imma leali u onest. Li jien nikkritka ma jfissirx li rrid inkisser jew nagħmel il-ħsara, imma għax irrid il-ġid. L-artiklu li ktibt jiffoka fuq il-bżonn ta’ rikonċiljazzjoni,” jinsisti Albert Buttigieg.  

“Delia huwa l-kap leġittimu tal-PN illum u jien qed nisħaq illi min rebaħ m’għandux jieħu l-attitudni illi the ‘winner takes it all’ u min ‘tilef’ m’għandux jieħu attitudni negattiva. Ejja ningħaqdu.”

Hu qed jipproponi illi jekk hemm bżonn il-partit isib lil nies bħall-eks Ministri Louis Galea u Joe Borg biex imexxu medjazzjoni fejn ikun hemm bżonnha.  

“Storikament San Pietru u San Pawl ma kinux jaraw għajn m’għajn, iżda ngħaqdu meta kien hemm bżonn. Jekk dawn qamu għall-okkażjoni minkejja li ma kinux jaqblu, għaliex ma nistgħux aħna wkoll?”

Delia huwa l-kap leġittimu tal-PN illum u jien qed nisħaq illi min rebaħ m’għandux jieħu l-attitudni illi the ‘winner takes it all’ u min ‘tilef’ m’għandux jieħu attitudni negattiva. Ejja ningħaqdu

Buttigieg insista li kulħadd fil-PN jeħtieġ jingħaqad, aktar minn kollox, biex tgawdi d-demokrazija; “ma nistgħux insiru stat b’partit wieħed.”

Nirrimarkalu illi l-istħarriġ tal-kamra tal-aħbarijiet tagħna qed juru illi bħalissa d-distakk bejn il-partiti huwa wieħed kbir jekk wieħed jikkunsidra dawk li huma deċiżi kif se jivvutaw. Nistaqsi lil Buttigieg mistoqsija diretta; il-PN, għall-eżistenza tiegħu u għall-pajjiż, jiflaħ għal telfa oħra b’distakk ta’ 36,000 jew aktar?

“Le ma nifilħux nerġgħu nitilfu hekk għall-ġid tad-demokrazija.”

“Aħna rridu one party state? Fejn hemm stat b’partit wieħed hemm abbuż u nuqqas ta’ demokrazija. Hemm rieda tajba, mela ejja naħdmu għall-għaqda,” jappella Buttigieg, “jekk ningħaqdu nsiru aktar b’saħħitna.”

More in Politika