Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Aġġornata | 'Jekk m'intomx kapaċi...neħduha aħna ż-żona ta' tfittxija u salvataġġ ta' Malta'

Il-Ministru Taljan Danilo Toninelli jgħid illi jekk Malta mhix kapaċi tmexxi jew tieħu ħsieb iż-żona ta' salvataġġ din għandha tingħata lill-Italja

Albert Gauci Cunningham / 13 ta' Ġunju 2018 17:15
Il-Ministru Taljan Danilo Toninelli
Il-Ministru Taljan tal-Infrasturttura Danilo Toninelli qal illi jekk Malta mhix kapaċi tieħu ħsieb iż-żona ta' Tfittxija u Salvataġġ (SAR) din għandha tgħaddi għand it-Taljani. 

Toninelli li ġej mill-Partit Cinque Stelle qal lill-ġurnalisti Taljani illi l-Maltin "jirċievu ħafna fondi biex jamministraw is-SAR, imma din qed tkun mgħassa mit-Taljani." 

"Jekk il-Maltin mhux kapaċi jieħdu ħsieb u jgħassu, għandhom ibiddlu r-reġjun SAR tagħhom u nieħduh aħna, inkluż il-fondi pubbliċi li jiġu mar-reġjun."

Hu kien qed iwieġeb mistoqsijiet dwar id-daqs ta' pajjiżna u jekk Malta tiflaħx għal aktar persuni deħlin hawn. Wara Salvini, dan huwa t-tieni Ministru li fetaħha kontra Malta fid-dawl ta' dgħajsa b'600 immigrant li Malta m'aċċettatx li tieħu mingħand it-Taljani, meta legalment kellu jkun il-Gvern Taljan li jeħodhom. 

Intant dalgħodu żbarkaw fi Sqallija madwar 900 immigrant.  

Bla bażi politika u legali...

Intant il-Gvern qal illi l-argument ta' Toninelli m'għandu l-ebda bażi politika u legali u turi li l-Ministru huwa miżinformat, jew inkella jrid joħloq kwistjoni bla sens.

Il-Gvern fi stqarrija għamilha ċara li Malta taqdi l-obligazzjonijiet tagħha u hija konformi mal-konvenzjonijiet, li jinkludu l-obbligazzjonijiet fiż-żona tas-SAR. Il-Gvern fakksar kif Malta investiet miljuni fit-titjib ta' apparat u għandha il-mezzi kollha biex tikkordina din iż-żona. 

Il-Gvern sostna li Malta qatt ma injorat każ wieħed, fejn intalbet li tagħti l-għajnuna. 

Intant l-istqarrija fakkret illi l-ebda gvern ma jirċievi fondi biex jikkontrolla iż-żona SAR. 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook