Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Analiżi | Jibqa’ jew jitlaq? Ix-xenarji differenti b’Muscat u mingħajru

Qal li se jitlaq u qal li hu ċert. Imma l-Partit Laburista jaqbillu? U l-PN u Adrian Delia x’jaqblilhom? Se jistenna l-eżitu tal-inkjesta ‘Egrant’? Analizi ta’ 10 xenarji u possibilitajiet jekk Muscat jibqa’ jew inkella jitlaq...

Albert Gauci Cunningham / 13 ta' Ġunju 2018 09:30
Din il-ġimgħa d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Fearne kiteb artiklu illi fih għamel appell partikolari biex il-PM u Mexxej Laburista Joseph Muscat jikser il-wegħda tiegħu u jibqa’ jmexxi l-partit u l-pajjiż. Dan għamlu fid-dawl tad-dikjarazzjoni ta’ Muscat li wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew hu se jkun qed jirreżenja u minfloku jilħaq xi ħadd ieħor.

Naturalment, minkejja li Muscat qal li hu determinat li jagħmel dan, l-ispekulazzjoni dwar dak li verament se jiġri għadha għaddejja. Donnu, għal raġunijiet differenti, ħafna għadhom m’emmnux lil Muscat. Min għax tant iridu jibqa’ u min għax qed jara li din hija logħba politika minn  tiegħu u karta li qed jilgħab biex jiġbed is-simpatija għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. 

F’din l-analiżi se nagħtu ħarsa lejn iż-żewġ xenarji, jiġifieri jekk Muscat jitlaq u jekk Muscat jibqa’. Min ikollu x’jirbaħ u x’jitlef u lil min ikun jaqbel u ma jaqbilx dak ix-xenarju.

L-eżitu tal-inkjesta Egrant li taf tgħollieh iktar, jew tkissru
...Jekk jibqa’...
  • Jekk Muscat jibqa’, il-Partit Laburista għandu kważi garanzija ta’ rebħiet fil-futur qrib (qed nużaw il-kelma ‘kważi’ għax garanzija ċerta ma teżistix.) F’dan il-każ il-passat jista’ jintuża bħala mera għall-futur minħabba li Muscat salva u baqa’ b’saħħtu ħafna minkejja kwistjonijiet li realment kellhom jtellfuh mill-popolarità. Il-fatt li fl-2017 Muscat rebaħ elezzjoni b’marġini tant qawwija, meta l-loġika fid-dawl ta’ kwistjonijiet politikament dannużi, kienet tgħid li għandu jnaqqas mill-marġini tal-2013 (mhux iżid) juri illi dan kapaċi jissopravivi l-akbar u l-eqqel attakki politiċi ġejjin minn Malta, minn ħdan il-Partit Laburista u saħansitra mill-Parlament Ewropew. Fid-dawl ta’ dan u fid-dawl ta’ previżjonijiet ekonomiċi tajbin ħafna, Muscat huwa (kważi) garanzija ta’ rebħiet.
  • L-aħħar stħarriġ tal-gazzetta oħt Maltatoday juri illi d-differenza bejn Muscat u l-Kap tal-PN Adrian Delia f’termini ta’ fiduċja hija waħda kbira ħafna, 29%. Minkejja li Delia jista’ jipprogressa minn dan il-lat, il-fatt li tant Nazzjonalisti għadhom diżillużi għax ma jriduhx, filwaqt li ħafna mill-iswitchers tal-2013 għadhom mhux qed jiġru lura għand il-PN ifisser illi Muscat jinsab b’vantaġġ li Delia jista’ jkun li ma jistax jegħleb. S’issa jidher illi fis-somma politika li tpoġġi lil Muscat u Delia faċċata ta’ xulxin, Muscat qed jirbaħ. Jekk minflok Muscat ikun hemm Mexxej Laburista ieħor jew oħra, dik is-somma politika tinbidel u l-vantaġġ favur il-PL jista’ jonqos jew jogħsfor.
  • Jekk jibqa’, ikun wera li hu lest li jibqa’ jistenna u jkun hu li jiffaċċja l-eżitu ta’ diversi inkjesti, imma speċjalment dik dwar l-allegazzjoni li titratta Egrant. Jekk jirriżulta li din kienet gidba u m’hemmx imqar dubju li Egrant kienet ta’ martu (kif tant jisħaq) allura Muscat ikun ivvendikat fuq l-aktar allegazzjoni serja u dannuża li qatt saret fil-konfront tal-Partit Laburista. Jekk ikun irtira, l-eżitu jitlef xi ftit mir-rilevanza. Jista’ jkun li bħal Busuttil, Muscat qed jistenna l-eżitu ta’ din l-inkjesta qabel jiddeċiedi x’se jkun il-futur politiku tiegħu. Li hu ċert huwa li jekk favurih l-eżitu ikompli jgħollih fil-popolarità imma jekk kontrih jaf jagħmel ħafna ħsara lill-Partit Laburista.
  • Il-Partit Nazzjonalista, flimkien mal-partiti iżgħar probabilment huma l-inqas li jridu lil Muscat jibqa’. Il-PN jaf li t-tluq ta’ Muscat jiftaħ il-bieb tal-opportunità biex ikun jista’ jiġġieled l-elezzjonijiet li ġejjin b’tama realistika li jista’ verament jirbaħ. Il-PN probabilment jara lil Muscat bħala l-akbar bastun fir-rota biex jasal għal rebħa. Il-partiti ż-żgħar jistgħu jgawdu mit-tluq ta’ Muscat għax dawk li ma jkunux iridu jivvutaw lill-PL aktar, imma mhux lesti jivvutaw PN, jivvutaw lilhom.
  •  Jista’ jkun li Muscat jibqa’, imma mhux direttament imexxi. Jista’ jkun li qed inħarsu lejn xenarju fejn Muscat u dawk li huma l-akbar qawwiet tal-Partit Laburista jibqgħu fil-kontroll minn wara l-kwinti. F’dan il-każ il-bidla tkun kożmetika u allura fil-verità jkun għadu jmexxi hu, viċin ħafna għal dak li ġara meta Karmenu Mifsud Bonnici kien sar Mexxej Laburista u PM. Jekk jiġri hekk il-Mexxej Laburista l-ġdid/a jkun dejjem qed jopera taħt il-mantell tal-predeċessur, xenarju illi fih s-suċċessur qajla jista’ jitrasforma lilu nnifsu biżżejjed fil-kariga.


Il-Ministru Chris Fearne
Jekk Muscat jitlaq Keith u Konrad se jibqgħu?
 

...jekk jitlaq...

 
  • Jekk jitlaq, Muscat ikun beda l-proċess ta’ bidla f’partit li bis-suċċessi elettorali riċenti mhux neċessarjament għandu bżonnha. Muscat jaf illi tajjeb kemm sejjer tajjeb issa, il-proċess taż-żmien jibda jnaqqas mill-popolarità u jintroduċi d-diżillużjoni. Fil-fatt parti mis-suċċessi ta’ Muscat illum huwa proprju d-dwejjaq u diżillużjoni fil-Partit Nazzjonalista li kien ilu fil-Gvern 25 sena, interrotti biss minn 22 xahar. Fuq nota personali għalih, jekk Muscat jitlaq issa, jkun telaq meta l-affarijiet għall-PL sejrin tajjeb u allura jevita d-destin kiefer li kellhom jiffaċċjaw mexxejja politiċi bħal Karmenu Mifsud Bonnici u Lawrence Gonzi lokalment, kif ukoll Gordon Brown fir-Renju Unit li ħadu t-tmexxija tal-partit meta x-xaba’ bdiet tiżdied u t-tgemgim tal-poplu kien beda jsir twerżiq.
  • Jekk jitlaq imma jkun qed jirriskja li jdaħħal lill-Partit Laburista f’tiġrija li 1) tista’ tħalli lill-partit xi ftit imbenġel hekk kif it-tiġrija tista’ tkun waħda xi ftit jew wisq ħarxa, speċjalment fid-dawl tal-fatt li din id-darba u simili għall-mod kif kien elett Adrian Delia, se jivvutaw ukoll it-tesserati. 2) Il-ħidma tal-pajjiż tista’ teħel xi ftit hekk kif kulħadd ikun qed jistenna min se jkun PM ġdid u 3) finalment l-elezzjoni ta’ mexxej ġdid mhux neċesarjament se tagħti lil dak jew dik il-persuna li kapaċi tmexxi lill-pajjiż jew lill-PL għal rebħiet ġodda. IL-PN bħalissa huwa eżempju ċar ta’ kif mexxej ġdid mhux garanzija illi l-partit se jingħaqad warajh.
  • Jekk jitlaq u miegħu jitilqu dawk l-aktar qrib tiegħu, ikun għalaq il-kapitlu tal-Panama, fis-sens purament politiku. Dan għaliex jekk Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri ma jibqgħux fit-tmun tal-pajjiż kull akkuża u kull allegazzjoni li tista’ ssir fir-rigward tal-kontijiet fil-Panama, l-użu tagħhom u l-intenzjonijiet tagħhom ma jibqgħux diretti lejn il-partit. Mexxej ġdid imbagħad ikun jista’ jibda mingħajr ma jkollu dawn l-akkużi u d-dubji li jniżżluh ’l isfel. Lil hinn mill-kwistjoni, ikun interessanti wieħed jara Mizzi u Schembri, li ma’ Muscat għandhom saħħa kbira u rwol ċentrali fil-Gvern u fiċ-ċentru tal-poter, xi rwol se jkunu qed jilagħbu fi Gvern li ma jibqax “ta’ Muscat”. M’hemmx dubju li kemm Mizzi u anke Schembri jaqblilhom li jibqa’ Muscat fit-tmun.   
  • Chris Fearne kiteb artiklu biex Muscat jibqa’. Imma mhux xi sigriet ta’ Fatima illi dan għandu interess fit-tmexxija tal-PL u allura jekk Muscat jiddeċiedi li jinjora l-appell ta’ Fearne, ikun Fearne stess li jgawdi mhux ftit biċ-ċans li l-karriera tiegħu tieħu spinta sew ‘il quddiem. B’tattiċi ta’ kkampanjar pjuttost b’saħħithom, Fearne jaf ikun l-akbar benefiċjarju jekk Muscat jiddeċiedi li jitlaq.  
  • Illum x’jgħaqqad moviment ta’ eluf kbar ta’ nies, laburisti, eks Laburisti, eks Nazzjonalisti, negozjanti, liberali u anke konservattivi? Jgħaqqadhom Muscat, qabel kull politika tal-Gvern. Il-Gvern tal-ġurnata huwa ppersonifikat f’Muscat u allura meta ħafna nies jitkellmu dwar il-Gvern, jitkellmu dwar il-Gvern ta’ Muscat mhux Gvern Laburista. U allura l-periklu ta’ din is-sistema li Muscat wiret minn GonziPN (meta sar attentat ta’ separazzjoni fil-psike tal-votanti bejn Gonzi u l-partit li jmexxi)  huwa li l-persuna ssir ikbar mill-partit u allura jkun il-partit li jsir dipendenti fuq il-persuna u mhux il-kontra.


Dan ifisser li jekk jitlaq Musact dik il-kolla li tgħaqqad ma tibqax hemmhekk u dawk li appoġġjaw lill-PL għal dawn l-aħħar 10 snin imma li mhumiex Laburisti jagħfsu l-‘pause button’ u jerġgħu jibdew jistennew u jaraw, qabel ma jagħtu l-appoġġ. L-appoġġ li għandu Muscat mhux se jintiret b’mod awtomatiku minn mexej ġdid.

Delia jaqbillu li Muscat jitlaq...ittih ċans reali li jirbaħ
Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook