IVF | 'Id-Deputati li se jivvutaw favur l-emendi se jġorru responsabbilità kbira'

Miriam Sciberras ħeġġet lid-Deputati biex jirriflettu sewwa fuq l-implikazzjonijiet serji ta’ dawn l-emendi 

Il-Membri Parlamentari li se jkunu qed jivvutaw favur l-emendi proposti għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun (IVF) se jkunu qed iġorru responsabbilità kbira.

Dan qalitu fi stqarrija ċ-Ċermen ta’ Life Network Foundation, Miriam Sciberras, li matulha ħeġġet lid-Deputati biex jirriflettu sewwa fuq l-implikazzjonijiet serji ta’ dawn l-emendi.

Saħqet kif kienu ħafna dawk li tkellmu u fi kliemha “eluf ta’ ċittadini Maltin huma mħassba dwar dawn il-proposti."

“Rajna attentati biex l-embrijun uman ma jkunx meqjus uman u anke biex id-drittijiet tat-tfal jingħataw il-ġenb,” saħqet Sciberras.

Kompliet tispjega li diversi studji mediċi u akkademiċi wrew kif:

  • L-embrijun uman huwa organiżmu uniku.
  • Il-ħajja umana tibda mill-konċepiment
  • L-embrijun huwa persuna umana fl-aktar stadju bikri tal-ħajja
  • Il-ħajja tal-embrijun titpoġġa f’riskju waqt il-prattika tal-cryopreservation.
  • Ma hemm l-ebda studju konkret jew konklussiv li juru kif il-maternità surrogata, id-donazzjoni tal-gamiti u tal-embrijun ma jkollhom l-ebda impatt negattiv fuq it-trabi, it-tfal, l-omm bijoloġika u s-soċjetà inġenerali.
  • Mhux sew li ‘nitrasferixxu’ l-weġgħa tal-infertilità fuq il-ġenerazzjoni li jmiss billi nċaħħdu lit-tfal milli jkunu jafu u jkunu mrobbija mill-ġenituri bijoloġiċi tagħhom.

Fid-dawl ta’ dan, Sciberras saħqet li d-Deputati li se jivvutaw favur se jkollhom fuq il-kuxjenza tagħhom l-abbandun u t-telf tal-embrijuni u anke l-effetti negattivi li jista’ jkun hemm fuq it-trabi, it-tfal u persuni vulnerabbli oħra.

Temmet tisħaq li l-konsultazzjoni li qed issir mhux qed tagħti spazju lill-esperti biex jindirizzaw il-Parlament.

Aqra aktar

More in Politika