Intervista | ‘Nirrabja meta politiku li ma jafx il-fatti jgħid li l-kriminalità qed tiżdied’

Stħarriġ tal-Ewrobarometru poġġa l-kriminalità bħala waħda mill-affarijiet li l-aktar qed tinkwieta lill-Maltin. Iżda veru qed tiżdied il-kriminalità? Iwieġeb Saviour Formosa

Stħarriġ tal-Ewrobarometru, ippubblikat fi Frar li għadda, poġġa l-kriminalità fuq nett tal-lista tal-aktar affarijiet li qed jinkwetaw lill-Maltin. Fil-fatt, 45% tal-Maltin li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ semmew il-kriminalità bħala l-akbar problema li għandu l-pajjiż bħalissa. Iżda s-sitwazzjoni hija gravi daqskemm tidher?

Din il-ġimgħa, il-gazzetta ILLUM iltaqgħet mal-kriminologu Saviour Formosa li ftit tal-jiem ilu ppubblika r-rapport annwali dwar il-kriminalità rrappurtata f’Malta.

Mistoqsi dwar dan l-istħarriġ, Formosa spjega kif mill-2009 Malta bdiet tesperjenza żieda fil-kriminalità kull sena. Minkejja dan, fl-aħħar sentejn din ir-rata bdiet tistabilizza fl-istess livell.   

“Din mhijiex l-aktar ħaġa sorprendenti.” Kompla jispjega li skont dak li jiġri normalment, meta tiżdied il-popolazzjoni, kemm lokali u kemm internazzjonali, ir-rata suppost baqgħet tielgħa b’rata mgħaġġla.

Il-kriminologu spjega kif Malta għandha rata medja ta’ 17,000 każ ta’ kriminalità għal kull 400,000 persuna. Iżda mbagħad hemm dik magħrufa bħala ‘expected crime rate.’ Hawn spjega kif jekk il-popolazzjoni żdiedet b’50,000 (bejn turisti u ħaddiema li ġew Malta), suppost kellhom jiżdiedu l-każijiet ta’ kriminalità.

“F’Malta suppost li l-kriminalità qed tiżdied b’1,500 każ kull sena, xi ħaġa li ma ġratx,” spjega Formosa. “Jista’ jkun hemm ħafna fatturi li setgħu wasslu għal dan. Fosthom pulizija aktar effettiva u aktar kuxjenza u edukazzjoni fost il-Maltin.”

‘Hemm differenza bejn il-perċessjoni u r-realtà’

Dan ifisser li matul is-sena li għaddiet, suppost ġew irrappurtati 3,000 każ aktar ta’ kriminalità, xi ħaġa li ma ġratx. Saħaq li jekk wieħed iħares fit-tul, jinnota kif ir-rata ta’ kriminalità mhux talli mhux tiżdied, talli nieżla ’l isfel.

Kien hawn li Formosa saħaq li “bejn il-kriminalità rrappurtata u l-perċezzjoni tal-kriminalità hemm baħar jaqsam,” waqt li insista li l-perċessjoni hija dettata minn kemm in-nies jisimgħu li qed tiżdied il-kriminalità.

Hawnhekk ikkritika politiċi li mingħajr ma jkunu jafu l-fatti, jaqbdu u jfajru li l-kriminalità qed tiżdied. “Persuna waħda hija influwenti biżżejjed biex tbiddilek trend,” saħaq Formosa.

Ikkritika wkoll persuni influwenti li ma jaħsbux fil-konsegwenzi ta’ dak li jgħidu. Insista li meta jinħoloq ‘moral panic,’ issir aktar ħsara milli ġid u appella biex il-Pulizija titħalla tagħmel xogħolha.

Fost oħrajn, ikkritika kumment li għamel pulizija fuq programm televiżiv meta qal li sħabu l-pulizija ‘qed jitwerwu,’ imorru Paceville. “Dan huwa moral panic,” li fi kliemu ma jagħmilx ġid għax inaqqas il-possibilità tal-edukazzjoni fost in-nies.

Dwar l-ewrobarometru saħaq li wieħed irid iħares lejn il-kuntest li fih ikun sar l-istħarriġ. Fi kliemu seta’ kien hemm reat partikolari li jkun affettwa r-riżultat u allura stħarriġ simili ma għandu qatt iseħħ wara li jkun sar każ kbir ta’ kriminalità jew inkella xi elezzjoni.

“Fi żmien elezzjoni jista’ jkollok mexxej li jgħid xi ħaġa u kulħadd jemmnu u jgħid bħalu,” saħaq Formosa.

Dan l-isħarriġ li semmejna aktar ’il fuq, kien sar f’Novembru tas-sena li għaddiet, ftit ġimgħat biss wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

 ‘Jekk se toffri l-opportunità, il-predatur se jiġi’

Fid-dawl ta’ dan, spjega kif kieku wieħed kellu jħares lejn il-kriminalità minn perspettiva partikolari, jista’ jiddefinixxiha bħala l-opportunità li l-vittma joffri lil min iwettaq ir-reat.

“Meta l-vittma jew l-entità (għax il-vittma tista’ tkun familja, komunità jew l-istat) se toffri l-opportunità, il-predaturi se jiġu,” saħaq il-kriminologu u hawn ta eżempju bil-frodi u l-pickpocketing.

‘Il-frodi qed jisplodi’

Jekk skont ir-rapport is-serq naqas, mhux l-istess jista’ jingħad għall-frodi. Fi kliem Formosa, il-każijiet ta’ frodi qed jiżdiedu drastikament.

Fil-fatt, f’sena waħda biss, il-każijiet ta’ frodi, jiġifieri reati li permezz tagħhom persuna tagħmel il-flus minn fuq dahar ħaddieħor, żdiedu b’238 każ jew inkella b’57%.

Kien hawn li spjega kif il-frodi qed jiżdied għax hawn l-opportunitajiet.

Ta l-eżempju ta’ persuni li jidħlu f’negozju ma’ persuni oħra, għax ikunu jifilħu iżda ma jwasslux għal dak li jkun ippjanat u li qablu fuqu.

“Il-frodi qed jiżdied għax hemm l-opportunità u nies li għandhom biżżejjed ġid li ma jindunawx li jkunu ġew iffrodati,” saħaq Formosa. “Aktar ma jkun hawn flus fl-idejn aktar se jiżdiedu l-każijiet ta’ frodi.”

Jonqos is-serq... il-pickpocketing l-aktar komuni

Tkellem ukoll dwar il-‘pickpocketing’ u kif madwar 15-il sena ilu, kien l-aktar komuni fil-Belt Valletta. Dawn il-każi bdew jiżdiedu sena wara sena, tant li sar wieħed mir-reati l-aktar komuni.

Mill-ġdid hawn tidħol il-kwistjoni tal-opportunità. “Dan juri li ma hemmx biżżejjed edukazzjoni u kuxjenza. Ħafna Maltin iħallu l-handbag miftuħ, il-mowbajl jew il-kartiera fil-but ta wara... dawn kollha huma opportunitajiet għall-predatur.”

Jekk wieħed iħares lejn il-kategoriji tal-kriminalità, is-serq inġenerali jibqa’ fuq nett tal-lista u jammonta għal 48.2% tar-reati kollha rrappurtati.

Il-pickpocketing huwa inkluż ma’ din il-kategorija u jammonta għal 12.5% tar-reati kollha mwettqa fl-2017, jew inkella 2,144 każ. Minkejja dan, għall-ewwel darba f’seba’ snin, il-pickpocketing naqas b’303 każi meta wieħed iqabbel mal-2016. “Din hija xi ħaġa pożittiva,” saħaq il-kriminologu.

F’Novembru tas-sena li għaddiet, din il-gazzetta kienet irrappurtat kif l-għassa ta’ Tas-Sliema tirċievi mal-10 rapporti kuljum ta’ ‘pickpocketing.’

Pickpocketing... katina ta’ nies

Għalkemm ħafna jaħsbu li ‘pickpocketing’ ifisser li persuna waħda, teħodlok mowbajl jew kartiera minn but jew baskett, ir-realtà hija ħafna aktar differenti.

Filwaqt li l-ġlied qed jonqos (ara aktar ’l isfel) għax ġlieda ddumm aktar u faċli tkun irrekordjata, każijiet ta’ ‘pickpocketing’ huma ħafna aktar diffiċli biex ikunu solvuti u għalhekk, għall-ħalliel, huwa reat ħafna aktar sigur.

Formosa spjega li ħafna drabi, wara pickpocketing ikun hemm katina ta’ ħafna aktar nies. Persuna waħda tisraqlek l-oġġett minn fuqek iżda malajr jgħaddi minn idejn 10 persuni.

Semma każ riċenti ta’ iPad li nsteraq iżda kellu ċippa u seta’ jiġi ttraċċat. Sakemm il-pulizija waslet għall-iPad, dan kien diġà għadda minn erba’ jdejn, allura min kien arrestat, ma kienx dak li serqu.

Aktar spazji ta’ divertiment... inqas vjolenza

Fost l-aktar reati li qed jonqsu hemm dawk marbuta ma’ vjolenza fiżika (Bodily Harm). Sal-2007, f’din il-kategorija kien hemm inkluża l-vjolenza domestika, iżda wara li nbiddlet il-liġi, din bdiet tiġi meqjusa bħala kategorija għaliha u llum hija t-tielet l-aktar kategorija ta’ kriminalità komuni.

Saviour Formosa nnota kif il-vjolenza fiżika qed tonqos drastikament sena wara sena biex issa qed tammonta biss għal 5% tal-kriminalità f’Malta.

X’qed iwassal għal dan. Għall-kriminologu r-risposta hija waħda sempliċi: aktar postijiet ta’ divertiment u għalhekk in-nies jinfirxu.

Huwa xjentifikament ippruvat li l-paċenzja tonqos meta tiżdied is-sħana.

“Tmur tiddeverti ġo post wieħed, allura hemm aktar ċans li xi ħadd jaħbat miegħek jew jinvadilek l-ispazju personali tiegħek. Faċli tinqala’ ġlieda u normalment dawn ir-reati se jiżdiedu fis-sajf,” saħaq Formosa. “Imma llum kullimkien bl-arja kkundizzjonata u hawn aktar postijiet ta’ divertiment u allura jonqos l-iffullar.”

Apparti minn hekk, Formosa saħaq li aktar preżenza, mhux biss ta’ pulizija, imma anke ta’ sistemi ta’ sorveljanza, jaffettwaw ukoll. 

‘Bżonn ta’ aktar edukazzjoni’

Fid-dawl ta’ dan, il-kriminologu saħaq li għandu jkun hawn aktar edukazzjoni, għax aktar ma jkun hawn kuxjenza, aktar se tnaqqas il-possibilitajiet għall-kriminal.

Fost dawn appella lill-anzjani u mhux biss, biex ma jagħmlux dejjem l-istess rutina. “Seħħew anke omiċidji minħabba f’hekk.”

Staqsa jekk min insteraq installax kameras tas-sigurtà. Insista li minn ġie misruq, faċli jerġa’ jinsteraq għax jidher bħala soft target.

Waqt li rrefera mill-ġdid għall-każijiet ta’ pickpocketing qal li huwa l-aktar komuni fuq tal-linja, fejn l-ispazju huwa limitat u għalhekk importanti li tiżdied l-edukazzjoni fost il-pubbliku.

Il-kriminalità naqset minn Paceville...u żdiedet il-Belt?

Waħda mis-sejbiet ewlenin ta’ dan ir-rapport huwa li l-kriminalità f’San Ġiljan, l-iżjed f’Paceville, naqset bin-nofs, biex is-sena li għaddiet kien hemm l-inqas ammont ta’ rapporti mill-2014 ’l hawn.

Iżda dan ma jfissirx li dik il-kriminalità li naqset minn Paceville sparixxiet. Il-probabbilità hi li din imxiet f’żoni li splodew fil-kummerċ, fosthom fil-Belt Valletta.

“Inti tmur fejn hemm l-opportunità,” tenna l-kriminologu. “La r-rata tal-kriminalità baqgħet fl-istess livell, imma naqset minn Paceville, xi mkien marret.”

Il-kriminalità organizzata... dawn iridu jwieġbu għal min hu fuqhom

Hawnhekk il-kliem waqa’ fuq il-kriminalità organizzata.             Spjega kif jeżistu każijiet ta’ persuni li jiġu Malta (jew pajjiż ieħor), bħala turisti, anke bil-familja, iżda fiż-żmien li jkunu hawn ikunu jrid jisirqu €10,000 għax hekk tqabbdu jagħmlu ta’ fuqhom.

Saħaq li jekk dawn se jsibu ammont ta’ pulizija f’post partikolari, bħal fil-każ ta’ Paceville, fejn żdiedet il-preżenza tal-pulizija u anke l-kameras tas-sigurtà, il-kriminali se jmorru xi mkien ieħor, fejn hemm l-opportunità biex iwettqu dak li tqabbdu jagħmlu.

“Dik hi l-kriminalità organizzata,” saħaq Formosa u hawn tidħol ukoll il-koperazzjoni ma’ pulizija internazzjonali, fosthom l-INTERPOL, biex ikunu traċċati l-movimenti ta’ ċertu persuni.

“Il-kriminalità organizzata hija n-norma f’soċjetajiet moderni,” saħaq il-kriminologu.

‘Irridu niġru fejn s’issa ma morniex’

Kien hawn li Saviour Formosa saħaq li jeħtieġ nibdew naħsbu qabel il-kriminal, biex inkunu hemm bil-pulizija.

“Kif għidtlek suppost li l-kriminalità żdiedet bi 3,000, jiġifieri qed inkunu xi ftit jew wisq effettivi imma mhux biżżejjed biex inaqqsu r-rata.”

Aktar ma jkun hawn barranin aktar se jsir diffiċli biex il-pulizija ssolvi l-każijiet

Tiżdied il-vjolenza fuq l-uffiċjali pubbliċi...

Fid-dawl ta’ dan, il-kriminologu spjega li skont kif tinbidel u tiżviluppa s-soċjetà, se tinbidel ukoll il-kriminalità u anke l-mezzi li jwasslu għaliha (mhux biss l-armi).

Semma l-eżempju ta’ cybercrime. B’mowbajl faċli tagħmel theddida. “Faċli nsib kompjuter miftuħ ix-xogħol u nibgħat imejl jew theddida minn fuqu.”

Fost il-reati l-aktar li qed jiżdiedu hemm dawk marbuta ma’ vjolenza u theddid fuq uffiċjali pubbliċi. F’sena waħda biss, dawn żdiedu bi 12% jew inkella b’238 każ.

Veru li aktar ma jkun hawn barranin aktar se tiżdied il-kriminalità?

Mal-kriminologu tkellimna wkoll dwar il-barranin u l-argument ta’ ħafna li aktar mhu se jkun hawn barranin, aktar se tiżdied il-kriminalità.

Filwaqt li saħaq li l-maġġoranza tal-barranin mhux se jiġu Malta bl-intenzjoni li jwettqu xi reat, semma d-differenza li wieħed jinnota meta janalizza n-nazzjonalità tal-priġunieri tul medda ta’ snin.

Fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet, ħafna mill-priġunieri kienu Ingliżi, minħabba l-fatt li konnha kolonja.

Fl-aħħar tas-sittinijiet u fis-sebgħinijiet ftit li xejn kien hawn kriminalità, kemm għax ma kienx hawn affluwenza u anke għax kien hawn ħafna Maltin li emigraw u allura magħhom emigrat wkoll il-kriminalità.

Fit-tmeninijiet bdew jiżdiedu l-priġunieri mill-Afrika ta’ Fuq, minħabba r-relazzjoni tal-pajjiż mal-Libja u t-Tuneż, biex sas-sena 2000 kien hawn massa ta’ priġunieri Libjani.

Fl-aħħar snin, in-nazzjonalità tal-priġunieri saret ħafna aktar wiesgħa, b’ħafna persuni mill-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Italja. Magħhom hemm ħafna Afrikani, l-aktar mis-Somalja.

Iżda, minkejja dan, il-barranin fil-ħabs huma biss madwar 30%. Il-bqija huma Maltin.

‘Jekk tkun barrani aktar għandek ċans li teħel il-ħabs’

Madanakollu, il-kriminologu spjega li persuna barranija għandha ħafna aktar ċans li teħel il-ħabs milli tingħata sentenza sospiża jew inkella tinħeles mill-arrest.

Fil-fatt, ħafna persuni fil-ħabs li għadhom qed jistennew li jgħaddu ġuri jew li tinqatgħalhom is-sentenza huma barranin.

“Għandek aktar ċans li tħalli l-pajjiż allura ċ-ċans li tingħata l-ħelsien mill-arrest huwa inqas għall-persuna barranija.”

Minħabba f’hekk ir-rata ta’ barranin fil-ħabs se togħla.

‘Aktar ma jkun hawn barranin aktar diffiċli għall-pulizija biex issolvi każ’

Apparti minn hekk, il-kriminologu spjega għaliex aktar ma jkun hawn persuni ta’ nazzjonalità differenti, aktar ser issir diffiċli għall-pulizija biex isolvu każ.

Formosa ta l-eżempju ta’ hold-up. Fl-imgħoddi, persuna kienet tidħol u tisraq. Minkejja dan, mid-djalett  ħafna drabi kienu jindunaw mil-liema parti ta’ Malta kien ġej.

Illum id-dinamika hija totalment differenti għax min iwettaq reat ma tafx jekk hux Malti jew barrani għax x’aktarx li anke tal-ħanut ma jkunx Malti.

“Aktar mhu se ninbiddlu, aktar se jsir diffiċli għall-pulizija biex tagħlaq il-każijiet,” saħaq il-kriminologu. “Għalhekk il-pulizija trid tinvestiga aktar fir-riżorsi tagħha.

Insista li l-kriminal huwa ħafna aktar ‘makkak’ mill-pulizija jew mill-policy maker u hawn mhux qed jirreferi għal min inqabad u qiegħed il-ħabs, għax dak x’aktarx li għamel xi żball oħxon.

Għandek grupp ta’ kriminali Maltin u jibqa’ jdur l-istess ċirku

Hawnhekk, il-kriminologu saħaq li fejn jidħlu l-kriminali Maltin, ħafna drabi tinduna li għandek grupp partikolari u jibqa’ jdur dejjem l-istess ċirku. “Hawn fejn vera rridu naħdmu,” saħaq Formosa.

Eks priġunier, f’intervista li kienet għamlet il-gazzetta ILLUM, kien saħaq li l-ħabs jeħtieġ jaħdem biex inaqqas ir-rata ta’ persuni li jispiċċaw jerġgħu jaqgħu wara li joħorġu mill-ħabs. Kien saħaq li fil-ħabs dejjem tara l-istess persuni, fejn ġieli ħareġ xi ħadd u reġa’ daħal wara erbat ijiem, jew inkella joħroġ il-missier u jidħol l-iben.

Ma għandniex niffokaw biss fuq detenzjoni

“L-istat ma għandux jiffoka fuq l-individwi, imma fuq il-komunità,” insista Saviour Formosa. “Jeżistu erba’ żoni u trid tiffoka fuqhom. Trid tiġbed fuq in-naħa tiegħek lill-persuna, lill-familja tiegħu u lill-komunità. Għalxejn tiġi lura u tmur fl-istess komunità mhux mibdula. Aħna żgħar wisq, fejn se taqbad tmur?”

Kien għelhekk li saħaq li l-istat ma għandux jiffoka biss fuq id-detenzjoni. Waqt li persuna qiegħda fil-ħabs trid tingħata taħriġ u edukazzjoni u mhux sempliċiment tingħata xogħol.

‘Ħdejn pajjiżi oħra Malta pajjiż sigur’

Ma stajniex intemmu l-intervista mingħajr ma nsaqsu lill-kriminologu jgħidilna kif Malta tikkumpara ma’ pajjiżi oħra. Minkejja li xi drabi tinħass il-perċessjoni li Malta ma għadux pajjiż sigur, saħaq li l-verità hi li Malta huwa pajjiż ħafna aktar sigur.

L-inqas pajjiżi siguri, fejn tidħol il-kriminalità huma l-Ingilterra u l-Finlandja u hawn reġa’ semma r-rabta li hemm bejn l-ekonomija, il-flus fl-idejn u l-opportunitajiet u l-kriminalità.

“Londra sar l-aktar post perikoluż biex tgħaddi minnu. Is-sena li għaddiet biss kellhom madwar 50 omiċidju, fosthom anke tat-tfal,” saħaq il-kriminologu. “Londra tikkumpara mal-agħar bliet fl-Amerika.”

Temm jisħaq li f’Malta għandna tendenza li niffukkaw fuq każ serju li jkun ġara mingħajr ma nħarsu lejn l-istampa l-wiesgħa. Insista li wieħed jeħtieġ iħares lejn din l-istampa, biex jifhem u jnaqqas ir-rata tal-kriminalità.

More in Politika