Għotja ta' €10,000 lill-ġenituri li jaddottaw tfal minn barra minn Malta

...Il-flus jingħataw biss meta l-proċess ikun finalizzat fil-Qorti u jinħareġ digriet...

Se jibda jingħata rimbors tal-ispejjeż tal-proċess tal-addozzjoni, b’din l-għajnuna tlaħħaq massimu ta’ €10,000 sabiex tkopri parti mill-ispejjeż li l-ġenituri addottivi jkunu daħlu għalihom. B’hekk se tkun qed titwettaq wegħda oħra elettorali tal-Gvern.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon waqt żjara li għamel għand familja li temmet b’suċċess il-proċess ta' addozzjoni, u li bħalissa qed trabbi tifla ta’ sitt snin mill-Indja.

Il-Ministru Falzon qal li din l-għajnuna tapplika biss għal dawk l-addozzjonijiet minn barra minn Malta konklużi mill-10 ta’ Ottubru 2017 ’il quddiem, anke jekk il-proċess ikun beda qabel. Kien spjegat li addozzjoni tkun meqjusa bħala konkluża wara li jkun iffinalizzat il-proċess legali fil-qrati ta’ Malta u jinħareġ id-digriet mill-istess qrati. Għaldaqstant, din l-għajnuna finanzjarja se tkun qed tkopri spejjeż t’akkomodazzjoni fil-pajjiż tal-addozzjoni, spejjeż tal-biljetti tal-ajru, spejjeż ta’ traduzzjoni, u oħrajn relatati ma’ dan il-proċess.

Il-Ministru Michael Falzon spjega li jekk ikun hemm xi mistoqsijiet b’rabta mal-proċess, il-ġenituri adottivi għandhom iċemplu l-Appoġġ, u minn hemmhekk ikunu gwidati biex jipprovdu dokumenti neċessarji, u jsir ukoll appuntament mas-social workers biex ikun spjegat u jiġi faċilitat aħjar il-proċess.

Hemm wkoll Facebook page bl-isem ta’ Adoption Service Malta, fejn fiha jista jinkiseb iktar tagħrif kif ukoll ikunu kjarifikati xi mistoqsijiet. Intant, il-familja Cardona li addottat it-tifla ta’ sitt snin mill-Indja qasmet is-sodisfazzjon tagħha għal assistenza li rċiviet mill-awtoritajiet konċernati tul il-proċess tal-addozzjoni.

Il-familja Cardona qalet li din l-għajnuna finanzjarja se tħeġġeġ aktar koppji bħalhom sabiex jaddottaw tfal, irabbuhom, u jtuhom mħabba xierqa. 

Il-Ministru Michael Falzon jiltaqa' ma' familja li addottat
Il-Ministru Michael Falzon jiltaqa' ma' familja li addottat

 

 

 

More in Politika