Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Il-President tisħaq li ħadet passi biex ma tibqax membru ta' gruppi Laburisti fuq Facebook

Skont rapporti, dawn il-gruppi jinkludu kliem ta' mibegħda u anke theddid kontra attivisti 

Yendrick Cioffi / 16 ta' Mejju 2018 12:44
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li ma kinitx taf li kienet membru ta’ gruppi fuq Facebook għall-partitarji Laburisti li kienu jinkludu kummenti ta’ mibegħda.

Mal-gazzetta Times of Malta, il-President qalet li ħadet il-passi kollha neċċessarji biex toħroġ minn dawn il-gruppi li fi kliemha ma kinitx taf li hi membru tagħhom.

Kien is-sit The Shift News li nnota kif gruppi ta’ uffiċjali Laburisti, inkluż il-Prim Ministru Joseph Muscat huma membri f’dawn il-gruppi, li skont is-sit jinkludu kummenti ta’ mibegħda u anke theddid.

Fl-istess investigazzjoni rriżulta li f'dawn il-gruppi kien hemm ukoll il-President ta’ Malta.

Fuq Facebook, persuna tista’ taqbad u tinkludi persuna oħra fi grupp mingħajr ma tinfurmaha.

Il-każ tqajjem ilbieraħ fil-Parlament mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li semma kif dawn il-gruppi qed jiġu investigati wkoll minħabba dawk li sejjaħ bħala ‘attakki koordinati,” kontra attivisti kontra l-korruzzjoni u l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.

Insista li ħafna mill-kummenti jiksru l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data u anke l-Kodiċi Kriminali u saħaq li skont il-liġi, theddid, kummenti abbużivi u insulti jistgħu jġorru magħhom piena ta’ 18-il xahar ħabs.

Azzopardi stess qajjem dubji dwar kemm verament il-President ma kinitx taf li hi membru f’dawn il-gruppi u kkritika l-fatt li 24 siegħa wara l-artiklu fuq The Shift News, il-President kienet għadha membru.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook