Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Jagħżlu li jibqgħu mal-agressur għax jibżgħu minnu

It-tfal dejjem ibatu fejn hemm il-vjolenza domestika, imma xi kultant f’każ ta’ separazzjoni jagħżlu li jibqgħu mal-agressur għax jibżgħu...rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika jiżvela...

Albert Gauci Cunningham / 16 ta' Mejju 2018 09:40
It-tfal dejjem huma vittmi ta’ relazzjoni jew żwieġ li fih hemm il-vjolenza huwa fatt. Imma rapport ippubblikat iktar kmieni din il-ġimgħa jitfa’ aktar dawl fuq is-sitwazzjoni mwegħra tat-tfal fejn hemm il-vjolenza.

Dr Roberta Attard hija kkwotata tgħid fir-rapport illi t-tfal isibuha diffiċli ħafna biex jagħżlu ma’ min se joqogħdu f’każ ta’ separazzjoni u xi kultant tant ikunu jibżgħu mill-agressur li jagħżlu lilu/lilha minflok il-vittma.

Grupp ta’ nies li ffurmaw workshop dwar dawk li sejħulhom ‘feriti inviżibli’ ta’ tfal li huma esposti għall-vjolenza, qalu illi t-tfal, minkejja t-tensjoni, xorta waħda jkunu jixtiequ li l-ġenituri jibqgħu flimkien. Apparti minn hekk, għandhom bżonn l-imħabba, sens ta’ sigurtà, attenzjoni, ferħ, lil xi ħadd li jismagħhom u appoġġ mill-pulizija u mill-familja. Attard tfakkar illi l-protezzjoni hija responsabilità ta’ kulħadd, anke tal-ġirien jew ta’ dawk li forsi jafu jew qed jaraw jew qed jisimgħu l-abbuż għaddej. Intant hi saħqet illi “bħala professjonisti għandna bżonn nirreaġixxu meta jitkellmu t-tfal.”

Interessanti kif fir-rapport hemm bosta proposti biex il-professjonisti kollha, inkluż l-għalliema, jilagħbu parti importanti biex tkun miġġielda l-vjolenza. Grupp differenti ta’ nies f’workshop li tratta l-għajnuna għal dawk it-tfal esposti għall-vjolenza domestika, waslu għall-konklużjoni li l-għalliema għandhom ikunu obbligati li jirraportaw lis-superjuri tagħhom meta jħossu li għaddej xi forma ta’ abbuż fuq xi ħadd mit-tfal fil-klassi. Huma jirrakomandaw illi l-għalliema għandhom jingħataw it-taħriġ kollu meħtieġ biex jidentifikaw fejn ikun hemm il-vjolenza.

Il-professjonisti huma rrappurtati isemmu kif b’relazzjoni li fiha jkun hemm il-vjolenza, it-tfal jissugraw li saħansitra jibdew jitilfu l-identità tagħhom, speċjalment dik l-identità li tkun riflessjoni tal-effett li kellha l-vittma fuqhom. Jiġifieri jekk l-omm tkun rawmet ċertu valuri fit-tifel/tifla dawn il-valuri jistgħu jkunu mħassrin  minn dak il-ġenitur li miegħu jew magħha jkunu qed jgħixu l-iben jew il-bint.

Ir-rapport jgħid illi għal ħafna tfal li jgħaddu mit-trawma tal-vjolenza domestika, il-vjolenza ssir in-norma. Għalhekk ir-rapport qed jipproponi wkoll li tkun possibbli illi t-tfal jingħataw terapija psikoloġika anke jekk il-missier jirrifjuta li jiffirma l-formola tal-kunsens.

Ir-rapport, naturalment, jitratta wkoll ix-xelters u jfakkar illi dawn il-postijiet, minkejja x-xogħol siewi li qed isir fihom, magħhom tibqa’ mwaħħla l-istigma u allura huma bosta dawk li jħossu illi hija ‘tal-mistħija’ li jkollhom imorru huma u jieħdu t-tfal tagħhom f’xelter. Ir-rapport jipproponi diversi miżuri biex il-ħajja tan-nies li jgħixu f’xelter titjieb, fosthom trasport għall-vittmi tax-xelters kif ukoll għat-tfal mix-xelters għall-iskejjel, proviżjoni ta’ servizzi bażiċi bħal WiFi u ftit flus għat-tfal (pocket money), li t-tfal jingħataw terapija malli jaslu fix-xelter u assejsar immedjat tal-vittmi malli dawn jidħlu f’xelter.

Ir-rapport jagħmel diversi proposti lill-professjonisti, fosthom jipproponi li jkun hemm protokol ċar ta’ kif kull professjonist jitratta problemi ta’ vjolenza domestika, l-importanza ta’ ambjent sigur fejn professjonisti jkellmu lit-tfal, titjib fl-iscreening minn kmieni ta’ kull tip ta’ vjolenza, taħriġ obbligatorju għal kull professjoni, sigurtà għal dawk li jaħdmu fis-settur u l-bżonn ta’ iktar taħriġ għat-tfal, speċjlament subien.

Lill-Gvern ir-rapport jipproponilu biex terapija lit-tfal tkun obbligatorja, li jsir moniteraġġ tal-ordnijiet ta’ protezzjoni biex tkun assigurata l-protezzjoni tat-tfal, li jkun hemm social worker speċifikament għal kull tifel jew tifla u moniteraġġ ta’ dawk il-vittmi li jkunu telqu mix-xelter u marru lura d-dar wara li l-vittma tkun ħafret lill-agressur.

Dwar il-Pulizija u anke l-ġudikatura r-rapport jinsisti dwar l-importanza li l-Pulizja jkunu kapaċi jagħmlu assesjar ta’ bżonnijiet u riskji għal kull tifel jew tifla li jagħmlu kuntatt magħhom u anke l-importanza li kemm il-Pulizija kif ukoll il-membri tal-ġudikatura jingħataw taħriġ rigward il-fatt li r-relazzjoni bejn il-vittma u l-ulied tmur lura waqt li l-vittma tkun qed tisfa abbużata. Ir-rapport jipproponi wkoll li każijiet ta’ tfal li jkunu sfurzati jaraw lill-ġenituri f’laqgħat li jsiru taħt superviżjoni.

Il-vjolenza domestika f’numri

Intant ir-rapport annwali juri li l-akbar numri ta’ każi ta’ vjolenza rreġistrati bħala ‘Emergency Health Services’ fl-2016 kien fost dawk li għandhom iktar minn 50 sena b’26.5%. Wara, l-ogħla rata ta’ rapporti kienet fost dawk li għandhom bejn 35-39 u 40 u 49 b’20.6%.

L-inqas rata ta’ vjolenza domestika kienet irreġistrata fost iż-żgħażagħ, b’rata ta’ 8.8%.

Intant l-akbar numru ta’ vittmi li kienu għamlu użu miċ-ċentru ta’ emerġenza Għabex kienu dawk li għandhom bejn 40 u 49 sena, b’24.6%.

Dawk bejn 40 u 49 jiffurmaw ukoll l-akbar numru ta’ vittmi li marru jirrapportaw każ ta’ vjolenza domestika għand il-Pulizija, b’21%. Min-naħa l-oħra 19.3% kienu taħt il-25 sena u 12% fost dawk sa 30 sena.

L-akbar ammont ta’ nies li marru f’diversi xelters madwar il-pajjiż kienu miżżewġin jew inkella għandhom sieħeb jew sieħba. Ammont ieħor huwa ta’ vittmi li kienu abbużati minn membri tal-familja stess.

U l-aggressuri huma dejjem irġiel? Mhux dejjem le, imma kważi. Fil-fatt huma aktar minn 90% dawk l-irġiel li fl-2016 ingħataw għajnuna permezz tas-servizz ‘Managing Abusive Behaviour’.

Dan apparti li fl-2016 kważi 84% tal-vittmi kienu nisa filwaqt li 16% kienu rġiel.

Ftit inqas minn 80% tal-vittmi ta’ vjolenza domestika użaw servizzi ta’ għajnuna darba biss, 13.5% użaw is-servizzi t-tieni darba u 6.8% użaw servizzi ta’ għajnuna iktar minn tliet darbiet.  

L-istatistika turi illi l-ogħla rata ta’ rapporti ta’ vjolenza domestika kien fit-Tramuntana tal-Port, jew fiż-żoni ta’ Tas-Sliema, San Ġiljan, il-Gżira, is-Swieqi u Pembroke b’29.5%.  Ftit iktar minn 21% tar-rapporti saru fin-naħa ta’ isfel tal-Port jiġifieri fiż-żona tal-Kottonera.

“L-Att dwar il-vjolenza fuq il-bażi tal-Ġeneru li se jkun infurzat fiż-żmien li ġej se jimmarka era ġdida għall-Kummissjoni  tal-Vjolenza Domestika, li se jkollha mandat u resposabilitajiet ikbar biex verament tkun tista’ taħdem kontra kull vjolenza f’kull forma tagħha.” Hekk insistiet il-Ministru Helena Dalli waqt il-preżentazzjoni tal-istess rapporti.

Hija fakkret illi l-Gvern qed jassigura liġi li tagħti protezzjoni ugwali lil kulħadd, irrispettivament mill-identità. “Dan għaliex il-vjolenza ma tafx ġeneru, razza jew klassi soċjali,” saħqet Dalli.

Il-Kummmissarju, Joe Gerada qal illi dan ir-rapport juri xejriet ‘normali’ ta’ vjolenza domestika għalkemm sostna wkoll illi iktar irġiel qed jersqu b’każijiet ta’ vjolenza domestika.

X’qed ikun propost fir-rapport?
  • Iktar għarfien dwar il-vjolenza domestika
  • Protokoll l-istess għall-professjonisti
  • Titjib fl-iscreening biex tingħata għajnuna minn kmieni
  • Taħriġ lill-għalliema u ‘counsellors’
  • Taħriġ obbligatorju lill-professjonisti kollha
  • Sigurtà lill-professjonisti kollha li jaħdmu u jiltqagħu mal-vittmi
  • Terapija psikoloġika lit-tfal anke jekk ġenitur ma jaċċettax
  • Ambjent aħjar fil-post fejn it-tfal ikunu intervistati dwar is-sitwazzjoni ta’ vjolenza
  • Evalwazzjoni sħiħa tas-servizzi li jingħataw fil-preżent
  • Social Worker għal kull tifel/tifla li jkunu għaddejjin minn problemi relatati mal-vjolenza li jkunu raw
  • Taħriġ qabel iż-żwieġ dwar problemi ta’ personalità u relazzjonijiet tossiċi
  • Trasport minn u lejn ix-xelters fejn qed joqogħdu l-vittmi
  • Proviżjoni ta’ servizzi bażiċi fix-xelters bħal WiFi u anke flus lit-tfal (pocket money)
  • Tfal għandhom jirċievu terapija xħin jidħlu f’xelter
  • Assesjar fil-pront tal-vittmi malli jidħlu f’xelter
  • Iktar aċċess għat-tfal biex jirrappurtaw abbuż
  • Tkun iffaċilitata l-possibilità li l-għalliema jirrappurtaw każi ta’ vjolenza domestika
  • Bżonn li l-Pulizija jagħmlu assesjar ta’ kull tifel/tifla li jidhru quddiemhom fir-rigward ta’ vjolenza domestika
  • L-introduzzjoni tal-‘emergency barring’ f’ċerti każi fejn l-aggressur ma jkunx jista’ jibqa’ d-dar
  • Moniteraġġ tal-vittmi li joħorġu minn xelter
  • Ikunu evitati każi ta’ tfal sfurzati li jattendu laqgħa ma’ ġenitur li ssir b’superviżjoni


Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook