Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Chetcuti jiċħad li qed jagħmel xi forma ta’ pressjoni dwar il-kirjiet

Il-gazzetta ILLUM kienet żvelat li l-White Paper bi proposti dwar kirjiet privati kienet approvata fil-Kabinett

Albert Gauci Cunningham / 15 ta' Mejju 2018 09:17
Il-President tal-Malta Developers Association (MDA) Sandro Chetcuti sostna mal-gazzetta ILLUM illi ladarba l-PM Joseph Muscat qed jassigura li mhux se jkun  hemm kontrolli tal-prezzijiet tal-kirjiet privati hu mhux qed jinkwieta. “Mhux wisq inkwetat ladarba l-PM serrħilna rasna li mhumiex se jsiru kontrolli. Minkejja dan,” jinsisti mill-ewwel Chetcuti, “aħna nibqgħu kontra kull forma ta’ abbuż u dejjem favur li l-liġi tkun rispettata.”

Hu kien qed jirrispondi mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta, li staqsietu jekk hemmx inkwiet jew tħassib fl-MDA dwar il-White Paper bi proposti għal regolarizzazzjoni tas-suq tal-kera.

Kienet din il-gazzetta li żvelat illi l-White Paper bi proposti dwar kirjiet privati kienet approvata fil-Kabinett u li se jkun hemm proċess ta’ kosultazzjoni li mistenni jitnieda fiż-żmien li ġej.

Intant sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta spjegaw illi għalkemm il-proċess huwa lest u l-White Paper kienet approvata, għalissa l-affarijiet qed jistennew. Sorsi differenti indikaw li Chetcuti qed jagħmel pressjoni fuq il-Gvern dwar diversi punti fuq il-White Paper, liema suġġett kien diskuss f’laqgħa li l-MDA kellha mal-PM Muscat.

Mal-ILLUM Chetcuti iżda ċaħad li qed issir xi pressjoni u qal li kwalunkwe ħaġa li jista’ jgħid hija spekulazzjoni “għax aħna ma rajniex il-White Paper, għadha ma ħarġitx.”

Meta kkuntattjat minn din il-gazetta qal illi hu m’għandux kumment x’jagħmel dwar il-white paper għax ma rahiex. “Għadu prematur imma nista’ nassigurak li meta toħroġ se nkunu qed niddiksutu u nitkellmu żgur,” aċċerta l-President tal-MDA.

Chetcuti fakkar illi s-sezzjoni tas-sidien tal-proprjetà hija fost l-ikbar fl-MDA u li fid-diskussjonijiet li se jsiru hu se jara illi l-interessi tagħhom ikunu assigurati.

“Aħna tajna ħafna sehem fid-diskussjoni li wasslet għall-White Paper, bħalma taw ħafna organizzazzjonijiet oħra. Issa huwa f’idejn il-Gvern li jiddeċiedi.”

Id-diskussjoni dwar il-kirjiet issa se tagħlaq kważi sentejn għaddejja. Fil-fatt kien rapport fuq l-ILLUM li beda id-diskussjoni hekk kif konna żvelajna proposti dwar kirjiet minn Yana Mintoff, bint l-eks PM Dom Mintoff. Għalkemm il-proposta tagħha ma kinitx milqugħa, qamet diskussjoni qawwija fil-pajjiż dwar il-bżonn li jkunu indirizzati l-kirjiet minħabba li domanda qawwija qed twassal għal żieda astronomika fil-kirjiet u nies li jkollhom jitilqu mill-kirja għax din togħla ħafna, f’xi każi b’aktar minn 100%.

Nhar il-25 ta’ Jannar 2015 fuq l-istazzjon tal-PL Muscat kien fakkar kif fil-baġit li tressaq fl-2016 il-Gvern żied is-sussidju lil dawk li jikru mingħand il-privat. Dan is-sussidju kien ivarja minn €66.67 sa €83.33 skont id-dħul u d-daqs tal-familja. Dan irdoppja, jiġifieri tela’ għal bejn €133.34 u €166.66. Wissa imma illi l-Gvern kien se jara kif is-sitwazzjoni se tkompli tiżviluppa qabel jieħu aktar azzjoni. “Fin-nuqqas illi is-suq ma jirregolax lilu nnifsu bl-għajnuna fis-sussidju u anke b'taxxi inqas għas-sidien, se nirregolaw u nibdew diskusjonijiet biex naraw kif se nirregolaw.”

Il-White Paper se tkun qed tħares lejn diversi aspetti għalkemm jidher illi l-aktar aspetti importanti se jkunu 1) durata minima ta’ kirja 2) reġistrazzjoni tal-kirjiet u 3) prezz tal-kirja li jibqa’ l-istess matul id-durata tal-kuntratt .

Mal-ILLUM Chetcuti assigura li l-MDA taqbel dwar il-punti tad-durata u reġistrazzjoni, “u naqblu wkoll illi l-ftehim li jsiru (bejn l-inkwilin u s-sid) ikunu rispettati.”

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook