Casa jitlob 50 aġenzija biex jinvestigaw lill-Bank Pilatus u lil Brian Tonna

Fi kliem Casa issa huwa ċar li l-fondi fil-Bank Pilatus x’aktarx ġejjin minn attivitajiet kriminali

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, kiteb lil 50 aġenzija, li jaħdmu kontra każijiet ta’ ħasil tal-flus, jitlobhom jinvestigaw lill-Bank Pilatus u anke t-trasferimenti li jinvolvu lil Brian Tonna u l-kumpanija Nexia BT.

Fi stqarrija, l-Ewroparlamentati saħaq li minn meta Daphne Caruana Galizia bdiet tinvestiga lill-Bank Pilatus, madwar nofs il-fondi tal-bank kienu trasferiti fi bnadi oħra. Skont Casa, Pilatus jiġbor fih madwar €127 miljun.

“Issa huwa ċar li dawn il-fondi x’aktarx ġejjin minn attivitajiet kriminali u għandhom jiġu investigati,” saħaq Casa.

Kien għalhekk li kiteb lil dawn l-aġenziji biex jinvestigaw:

  • Xiri ta’ assi f’pajjiżhomn b’fondi li ġejjin minn Pilatus,
  • Fondi trasferiti minn entitajiet fil-pajjiżi tagħhom u li oriġinaw minn Pilatus,
  • Kwalunkwe trasferiment ieħor li jista’ jseħħ fil-futur u li joriġina minn Pilatus,
  • Trasferimenti li jinvolvu lil Brian Tonna u l-kumpanija tiegħu Nexia BT.

Fit-talba tiegħu, Casa għamel referenza għal allegazzjonijiet tal-Proġett Daphne, fosthom li l-familja tal-President tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev, hija waħda mill-klijenti ewlenin tal-Bank Pilatus.

Dan apparti allegazzjonijiet oħra li jinvolvu lil Brian Tonna, lil Nexia BT u anke liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.

Intant, l-MEP Roberta Metsola, f’isem il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew għamlet numru ta’ mistoqsijiet dwar is-sors tal-flus fil-Bank Pilatus, ir-rwol li PEPs mill-Ażerbajġan u Maltin kellhom f’dan il-bank, u mistoqsijiet speċifiċi dwar 17 Black. Dan waqt smigħ fil-Parlament Ewropew, li fost oħrajn, ta ħarsa lejn il-Bank Pilatus f’Malta.

Metsola insistiet li Malta mhijiex tax haven u saħqet li l-Bank Pilatus huwa  tebgħa fuq Malta.

Din il-ġimgħa sar magħruf li l-Bank Pilatus beda l-proċess biex jagħlaq kompletament.

Is-sid tal-bank, Ali Sadr Hasheminejad kien arrestat fl-Istati Uniti fuq sitt akkużi serji u jekk jinstab ħati, jista’ jispiċċa jqatta’ l-bqija ta’ ħajtu l-ħabs.

L-MFSA kienet iffriżat l-assi kollha tal-bank.

More in Politika