Il-Proġett Daphne, l-FIAU u l-passaporti diskussi waqt konferenza fi Brussell

  • Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja se tkun qed iżżur Malta f'Ġunju li ġej
  • Il-Viċi President tal-KE jgħid li r-rivelazzjonijiet tal-Proġett Daphne qed ikunu mmoniterjati

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, Věra Jourová, se tkun qed iżżur Malta biex tinvestiga għalxiex Malta qabżet iż-żmien stipulat biex timplimenta liġijiet kontra l-ħasil ta’ flus u anke biex tagħti ħarsa lejn il-progress li sar fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Jourová qalet dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbar kif il-Kummissjoni Ewropea se tipproponi liġi ġdida biex tissaħħaħ il-protezzjoni mogħtija lill-whistleblowers.

Fil-kummenti, tagħha, Jourova ħabbret li se tkun qed iżżur Malta f’Ġunju li ġej u qalet ukoll li fuq nett tal-aġenda tagħha se jkun hemm it-tisħiħ tal-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU).

'Għandu jkun hemm rabta ċara bejn il-pajjiż u l-persuna li tikseb iċ-ċittadinanza' - Timmermans

Indirizza l-istess konferenza l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, li fost oħrajn tkellem dwar l-iskemi tal-bejgħ tal-passaporti u insista li għandu jkun hemm rabta ċara bejn il-pajjiż u l-persuna li qed tikseb iċ-ċittadinanza.

Kien hawn li semma lil Malta u insista li għandu jkun assigurat li jkun hemm rabta ċara bejn il-pajjiż u kull min jikseb iċ-ċittadinanza.

'Għajnejna fuq il-Proġett Daphne' 

Dwar il-Proġett Daphne, Timmermans insista li l-Unjoni Ewropea ma għandhiex toqgħod lura milli tieħu passi kontra Malta anke fid-dawl tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Insista, li l-Kummissjoni Ewropea qed iżżomm ħarstiha fuq ir-rivelazzjonijiet ġodda mill-Proġett Daphne.

More in Politika