Opinjoni | Tebgħa oħra

Jekk il-komunità internazzjonali trid taħdem għal paċi dinjija, jeħtieġ illi kull min iwettaq reati tal-gwerra, ikun fejn ikun u jkun min ikun,  jispiċċa quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali....

L-attakki mill-ajru li twettqu mill-Amerika, ir-Renju Unit u Franza fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt tal-ġimgħa l-oħra kienu inevitabbli. Dan wara illi żewġ sibtijiet ilu, ir-reġim ta’ Bashir Al Assad għal darb’oħra wettaq attakk bl-armi kimiċi f’Douma, fil-Lvant ta’ Ghouta.  Din attwalment hi subborg ta’ Damasku u kienet l-aħħar żona kkontrollata mir-ribelli ħdejn Damasku. F’dan l-attakk,  tal-anqas erbgħin ruħ mietu wara illi fgaw u mijiet ġew trattati għall-effetti ta’ armi kimiċi.

Kienu bosta li saqsew xi provi hemm illi dan l-attakk twettaq mill-gvern ta’ Assad. S’issa l-esperti tal-Organizzazzjoni għall-Qerda tal-Armi Kimiċi għadhom ma tħallewx jindagaw fuq il-post minkejja li għaddew aktar minn ħmistax minn mindu ġara dan l-attakk. U fi kwalunkwe każ, dawn l-esperti nżammu mir-Russi milli jistabilixxu min wettaq dan l-attakk. Minn xiex qed jibżgħu s-Sirjani u l-protetturi tagħhom ir-Russi?

Madankollu, it-tobba u l-paramediċi li kien hemm fuq il-post iddeskrivew sintomi fost il-vittmi konsistenti mal-użu ta’ armi kimiċi. Barra l-użu tal-kloru, hemm suspetti kbar illi ntuża xi gass nervinju. Dan il-gass nervinju ma jibqax fl-arja xi ġimgħa wara li jintuża. Għaldaqstant hu ferm probabbli illi l-esperti nternazzjonali mhumiex ser isibu l-ebda traċċi ta’ dan il-gass nervinju meta jirnexxielhom iwettqu l-investigazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, issa li l-aħħar ribelli evakwaw din iż-żona, il-militar Russu kellu bosta jiem illi fihom seta’ jnaddaf kwalunkwe traċċa ta’ dawn il-gassijiet.

Għala Assad uża dawn l-armi meta kien qiegħed jirbaħ il-gwerra u r-ribelli ħdejn Damasku kienu f’xifer li jċedu?  Din hi mistoqsija pertinenti ħafna. Huwa minnu illi Assad kien kważi rebaħ lir-ribelli kollha f’Għouta tal-Lvant. Imma fil-waqt illi ż-żewġ gruppi ta’ ribelli l-oħra f’din il-parti tas-Sirja kienu ftehmu mal-gvern u evakwaw minn hemm, l-aktar grupp f’saħtu, Jaish el-Islam baqa’ jwebbes rasu u kien għadu ma laħaqx ftehim mal-gvern sirjan.  Kien fil-fatt l-għada ta’ dan l-attakk illi dan il-grupp ta’ ribelli aċċetta illi jevakwa miż-żona.

Wara l-attakk, sar magħruf illi l-kadavri ta’ min inqatel f’dan l-attakk kienu qed jinħarġu mis-Sirja sabiex jiġu eżaminati.  Fid-demm u fl-awrina tal-vittmi kellu jkun hemm indikazzjoni ta’ x’tip ta’ armi tipiċi ntużaw. Kien il-president Macron ta’ Franza illi l-ewwel iddikjara illi Franza għandha l-provi dwar l-użu ta’ dawn l-armi pprojbiti. Imbagħad il-Ġimgħa filgħaxija, lejliet l-attakk, id-Dipartiment tal-Istat Amerikan għamel dikjarazzjoni simili. Wara dak li ġara fl-Iraq, wieħed għandu jassumi illi tali dikjarazzjonijiet ma sarux bl-addoċċ.

U minkejja l-progress li sar bil-Qorti Kriminali Internazzjoni, bosta kriminali tal-gwerra għadhom igawdu l-impunità

Dak li ġara fl-Iraq ikkundizzjona ħafna l-opinjoni pubblika internazzjonali. Il-kuntrast bejn dak li ġara fis-Sirja u dak li ġara fl-Iraq hu tassew ironiku. Ir-reġim baathista tal-Iraq kien uża regularment l-armi kimiċi fil-gwerra kontra l-Iran u anke wettaq massakru b’dawn l-armi kontra nies ċivili kurdi fir-raħal ta’ Ħalabja. Madankollu, meta Saddam ġie mġiegħel ineħħi dawn l-armi kimiċi, irriżulta illi minkejja d-dubji kollha li dejjem kien baqa’, hu kien effettivament neħħihom. U meta saret l-invażjoni tal-Iraq u twaqqa’ l-gvern ta’ Saddam, ma nstabu l-ebda traċċi ta’ dawn l-armi ta’ qirda ta’ massa. Saddam inqela bil-fatt illi baqa’ jagħti l-impressjoni illi kellu dawn l-armi sabiex ibeżża’ lill-għedewwa tiegħu, kemm fl-Iraq kif ukoll barra minnha.

Il-waqgħa ta’ Saddam kexket dittatur ieħor illi kutu kutu ftiehem mal-Amerikani wara snin kbar ta’ ostilità.  Gaddafi aċċetta illi jżarma programm ta’ svilupp ta’ armi kimiċi u nukleari illi kien żamm mistur minn kulħadd.  Dan il-fatt jinsewh dawk kollha li jmaqdru l-intervent amerikan fl-Iraq. Meta Gaddafi tneħħa mill-poter, kien il-poplu libjan li qam kontrih  u ħadd aktar minkejja dak kollu li jgħidu d-dilettanti tal-konġuri li jippopulaw il-Facebook.

Id-dittatur l-ieħor baathista, Basħir Al Assad kellu xorti differenti.  Hu ħa r-riedni tal-pajjiż 2000 wara l-mewt ta’ missieru Ħafeż Al-Assad li kien ilu president mill-1971. Ir-reġim baathista hu l-aktar populari fost il-minoranza alawita (setta li għandha ħafna affinitajiet max-xiijiti) u ċertu Nsara; il-maġġoranza sunnita hija ġeneralment kontra dan il-gvern u hi dik il-maġġoranza li rvellat kontra r-reġim ta’ Assad f’Marzu 2011.  

Il-gwerra ċivili sirjana issa ilha sejra għal aktar minn seba’ snin u ġraw bosta u bosta affarijiet straordinarji. Ibda biex kellna l-komparsa fix-xena tal-Istat Iżlamiku. Kif dan il-grupp tfaċċa mix-xejn u f’daqqa waħda spiċċa jokkupa żoni kbar tas-Sirja u l-Iraq huwa frott ta’ ħafna spekulazzjoni.  Kien hemm bosta fatturi għal dan l-iżvilupp imma fost l-oħrajn, jidher illi kien Assad stess illi nkoraġixxa t-tisħiħ ta’ dan il-grupp terroristiku. Dana billi ħeles mill-ħabs il-militanti radikali Iżlamiċi mentri militanti oħra baqgħu l-ħabs jew inqatlu. L-iskop malinn tiegħu kien illi jpinġi ruħu bħala l-aħħar difensur kontra r-radikali Iżlamisti.

Il-gwerra ċivili sirjana nvolviet ukoll l-intervent ta’ bosta potenzi barranin.  Bosta gruppi kontra Assad ġew finanzjati mis-Sawditi jew mill-Qatarini.  It-Turkija kienet dejjem ostili għal Assad.  Hi għandha interess dirett fiż-żoni kontigwi għat-territorju tagħha fejn igħixu ħafna Kurdi.  Dawn il-Kurdi lagħbu rwol kruċjali fil-ġlieda kontra l-Istat Iżlamiku fis-Sirja u gawdew minn appoġġ sostanzjali tal-Amerikani.  L-intervent Amerikan fis-Sirja kien limitat għall-ġlieda kontra l-Istat Iżlamiku.  L-Istat Iżlamiku issa tkeċċa minn Raqqa fis-Sirja fejn kien ipproklama l-kapitali tiegħu minn din l-alleanza mmexxija mill-Kurdi.  Tkeċċa ukoll minn Mosul, it-tieni l-akbar belt Iraqina mill-armata Iraqina imma għadu ma ġiex eliminat għal kollox. Din il-ġimgħa stess l-ISIS     qatlu

bosta suldati Sirjani u għadha attiva f’bosta żoni tas-Sirja u tal-Iraq. Spiss l-ISIS qed tattakka l-istallazzjonijiet taż-żejt sabiex tkun tista’ tiffinanzja ruħha.

Għal bosta snin wara l-bidu tal-gwerra ċivili sirjana, ir-reġim ta’ Assad kellu appoġġ sostanzjali mill-Iran u l-Ħeżbollaħ Libaniża, l-internazzjonali xiijita.  Imma kien l-intervent Russu f’Settembru 2015 illi biddel kompletament il-qagħda fil-pajjiż.  Ir-reġim ta’ Assad kien kważi kkrolla taħt l-attakki tar-ribelli imma bis-saħħa tal-intervent Russu, il-qagħda militari nbidlet radikalment. Bil-mod il-mod, ir-reġim ta’ Assad beda jerġa’ jieħu s-sopravvent u jieħu lura kontroll tat-territorju li kien tilef. Aktar ma għadda ż-żmien, ir-ribelli bdew ikollhom jevakwaw mit-territorji li kienu jokkupaw u jikkonfinaw ruħhom fil-provinċja ta’ Idlib fejn għadhom hemm sal-lum.

Din mhux l-ewwel darba illi r-reġim ta’ Assad uża l-armi kimiċi. Il-komunità internazzjonali l-ewwel darba li tat każ l-użu tagħhom kien wara l-attakk tal-21 t’Awwissu 2013 fl-istess Ghouta.  Mietu mijiet ta’ ċivili.  L-istimi jvarjaw minn 281 għal 1,729.  Il-president Obama kien ilu jhedded illi l-użu ta’ armi kimiċi huwa linja ħamra illi ma tridx tinqasam.  Meta kien jidher ċar illi kien ser ikun hemm intervent militari kontra s-Sirja, ir-Russi mmedjaw u ntlaħaq ftehim sabiex is-Sirjani jeqirdu l-armi kimiċi kollha tagħhom taħt superviżjoni nternazzjonali. Kemm is-Sirjani u kemm ir-Russu wegħdu solennement illi mhux ser jintużaw aktar armi kimiċi. 

Il-kalvarju tal-poplu Sirjan ma jidhirx illi ser jispiċċa dalwaqt. Hu kkalkulat illi mill-bidu ta’ din is-sena, aktar minn 700,000 Sirjan kellu jitlaq daru

Imma l-wegħdiet tas-Sirjani u tar-Russi ma swew għal xejn. Kien hemm rapporti sporadiċi ta’ użu ta’ armi kimiċi f’bosta naħiet tas-Sirja imma kien biss f’April 2017, wara attakk ieħor, illi l-president Trump ordna attakk kontra bażi sirjana. Dan kien attakk bla ebda avviż ta’ xejn u hu maħsub illi xi 20% tal-forza tal-arju Sirjana ġiet meqruda f’attakk b’Tomahawk cruise missiles.

Issa illi sar dan l-aħħar attakk kimiku, il-komunità internazzjonali ma setgħetx ma tirreaġġiex. Fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda ma ntlaħaq l-ebda ftehim minħabba l-veto russu (it-tnax-il wieħed mill-bidu tal-konflitt sirjan). L-azzjoni militari amerikana, brittanika u franċiża (Franza ma kienetx ħadet sehem fl-invażjoni tal-Iraq) kienet waħda ferm limitata u kirurġika intiża biss illi tiġi limitata l-kapaċità tar-reġim ta’ Assad illi jagħmel attakki kimiċi.

Imma l-kalvarju tal-poplu Sirjan ma jidhirx illi ser jispiċċa dalwaqt. Hu kkalkulat illi mill-bidu ta’ din is-sena, aktar minn 700,000 Sirjan kellu jitlaq daru. Għal dan id-diżastru umanitarju, Vladimir Putin u l-Federazzjoni Russa għandhom jassumu r-responsabilità ġenerali. Hija r-Russja illi qiegħda ssostni r-reġim ta’ Assad u qiegħda żżomm illi jintlaħaq ftehim sabiex is-Sirja jkollha gvern li jirrappreżenta l-poplu kollu, ir-reliġjonijiet kollha, ir-razez kollha.

Il-konflitt fis-Sirja mhuwiex l-uniku wieħed traġiku li għandna fil-preżent. Ma rridux ninsew dak tal-Jemen fejn is-Sawditi qed imexxu kampanja qalila kontra r-ribelli xiititi Ħouthi u li qed tinvolvi l-bejgħ ta’ ħafna armi minn bosta pajjiżi. U ma rridux ninsew il-kriżi tar-rifuġjati Rohingya fi Myanmar. Huwa ċar illi għadna ma tgħallimniex kif l-aħjar niġġestixxu dawn il-kriżijiet. U minkejja l-progress li sar bil-Qorti Kriminali Internazzjoni, bosta kriminali tal-gwerra għadhom igawdu l-impunità.

Jekk il-komunità internazzjonali trid taħdem għal paċi dinjija, jeħtieġ illi kull min iwettaq reati tal-gwerra, ikun fejn ikun u jkun min ikun,  jispiċċa quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali. Jekk mhux ser titneħħa l-impunità lid-dittaturi u kull min isegwi l-ordijiet imdemmija tagħhom, l-ordni internazzjonali ser tibqa’ tiġi mgħarrqa regolarment b’episodji ta’ diżumanità li tagħmlilna lkoll għajb.

[email protected]

                 

More in Politika