Missjoni b’suċċess: l-istudenti universitarji issa jistgħu jivvutaw onlajn

Din il-ġimgħa l-istudenti jivvuttaw...imma mhux bħas-soltu

Żewġ żgħażagħ irnexxielhom jagħmlu pressjoni sabiex tinbidel is-sistema ta’ votazzjoni fl-elezzjonijiet universitarji.

Kmieni din il-ġimgħa Dario Cacopardo u Nathaniel Falzon żewġ żgħażagħ li qegħdin jistudjaw fl-Università ta’ Malta pproponew diversi emendi sabiex jinbidel l-istatut tal-Kunsill tal-Istudenti Universitarji (KSU), bl-għan aħħari jkun li l-elezzjonijiet għall-karigi fl-istess kunsill jibdew jsiru onlajn.

Fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu Dario Cocopardo qal; “Sfortunatament, f'dawn l-aħħar snin, l-elezzjonijiet għall-kunsill tal-istudenti tal-Università ta' Malta esperjenzaw rati ta' parteċipazzjoni baxxi kważi 28%, bl-implimentazzjoni ta’ sistema diġitali jinħoloq aktar opportunità biex jiżdied l-interess, il-parteċipazzjoni, jiżdied id-dibattitu u l-maturità filwaqt ukoll li jipprovdu kundizzjonijiet ugwali għall-kandidati kollha,” saħaq Cacopardo.

L-ilment ta’ Cacopardo u Falzon, it-tnejn studenti indipendenti, kiseb l-appoġġ ta’ bosta studenti u eks studenti oħrajn u għalhekk nhar l-Erbgħa li għadda ż-żewġ studenti ppreżentaw numru ta’ emendi fl-istatut tal-KSU waqt il-laqgħa Ġenerali Annwali 2018, emendi li kienu aċċettati mill-kunsill u b’hekk l-elezzjonijiet ta’ dan ix-xahar se jkunu qed jingħataw dinamika ġdida.

F’kummenti li hu ta wara li ġew approvati dawn il-proposti, Cacopardo spjega li “għall-dawn l-elezzjonijiet se tintuża s-sistema eżistenti li bħalissa qed tiġi utilizzata f’elezzjonijiet interni fi ħdan l-Università, madankollu l-Kummissjoni Elettorali tal-KSU se jkollha awtonomija sħiħa fl-elezzjoni,” saħaq Cacopardo.

More in Politika