Tiftaħ Dar Charles Miceli - għajnuna lil dawk li qed isegwu rijabilitazzjoni mid-droga

Huwa jirrigrazzja lill-Caritas u lill-Gvern biex mill-ħolm ta' Charles illum għaddejn għar-realtà...

 

Tinfetaħ Dar Charles Miceli fil-Mosta
Tinfetaħ Dar Charles Miceli fil-Mosta

"Meta tisma’ bl-isem Charles Miceli nikkonferma dak li ntqal qabel, tifhem is-soċjal. Jiena nixtieq ukoll infakkar il-memorja ta’ Charles u t-talba tiegħi hija li dan l-ispirtu tas-soċjal ġenwin ikun dejjem magħna. Għandna responsabbiltà kbira!" 

Hekk sostna l-Arċisqof Charles J Scicluna fil-ftuħ ta' Dar Charles Miceli waqt l-inawgurazzjoni, li saret illum fil-Mosta - dar immexxija mill-entità tal-Knisja ‘Caritas Malta’. Din id-dar ser tghin lil dawk il-persuni li qed isegwu programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga sabiex jintegraw mill-gdid fil-familja, fid-dinja tax-xoghol u fis-socjetà.

 Filwaqt li rringrazzja lil bosta bħal Leonid Mc Kay, irringrazzja wkoll lill-Gvern, "talli jemmen f’dawn l-inizjattivi b’mod konkret. U mhux biss jinkoraġġina imma wkoll jagħtina n-neċessarju biex mill-ħolm ngħaddu għar-realtà u din ir-realtà jkollha futur. U għalhekk huwa dover tiegħi nuri l-apprezzament u r-ringrazzjament tiegħi, mhux biss f’isem ir-residenti li se jibbenifikaw minn dan is-servizz, imma anke f’isem is-soċjetà kollha."

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon faħħar l-impenn siewi tal-Caritas filwaqt li fakkar il-memorja ta’ Charles Miceli li s-sehem tiegħu fis-soċjetà jibqa’ meqjus bħala wieħed mill-ikbar ta’ kull żmien.

 Falzon qal li Charles Miceli kien ikun kburi kieku assista għall-figuri li ħarġu din il-ġimgħa dwar it-tnaqqis drastiku fil-faqar sever materjalment. Hu qal ukoll li l-Gvern qed kontinwament jassisti finanzjarjament għaqdiet bħall-Caritas tant li alloka s-somma ta’ iktar minn €200,000 fis-sena biex tiġi mmaniġġjata b’mod effettiv ir-residenza.

Il-Ministru żied li l-Gvern qed jassisti b’mod dirett u indirett organizzazzjonijiet b’konnessjoni mal-Knisja tant li n-nefqa totali tmur oltre minn €8 miljun fis-sena. Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Caritas Leonid McKay spjega li sa ftit xhur ilu kienet qed tiġi evalwata l-possibilità ta’ servizz intiż għal dawk li b’suċċess temmew programm ta’ riabilitazzjoni wara li jkunu esperjenzaw problemi ta’ droga, u issa din saret realtà.

Leonid Mckay qal li permezz ta’ dan is-servizz se jiżdied aktar l-għarfien, nifhmu aħjar ir-realtajiet li ta’ kuljum jinbidlu u fuq kollox nipprevjenu biex ma nħallux lil dawn il-persuni jerġgħu jaqgħu fl-istess vizzju tad-droga.

 

More in Politika