Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Skema biex jitħallsu eksħaddiema tax-xatt u pulizija li ma tħallsux għall-overtime

Il-Mininistru Edward Scicluna u l-Ministru Michael Falzon, waqt konferenza stampa, ħabbru li l-Gvern se jalloka €10.5 miljun

Yendrick Cioffi / 16 t'April 2018 16:14
Se tidħol fis-sehh miżura, imħabbra fil-Baġit għal din is-sena, u li tindirizza anomaliji li setgħu nħolqu matul is-snin minħabba tibdiliet fis-sistema tal-pensjonijiet.

Il-Mininistru għall-Finanzi Edward Scicluna u l-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, waqt konferenza stampa, ħabbru li għal dan il-għan il-Gvern se jalloka €10.5 miljun.

Dan wara li kienu tħallsu aktar minn €11-il miljun lil aktar minn 6,000 benefiċjarju jew lill-eredi tagħhom.

L-iskema hi miftuħa:
  • għall-ħaddiema tal-korpi li kienu jagħtu servizz lid-dipartimenti tal-gvern qabel l-1979 iżda li kienu bdew jagħmlu parti mis-servizz pubbliku wara Jannar tal-1979;
  • għall-eksħaddiema tax-xatt li kellhom liċenzja biex jaħdmu bejn April 1973 u Mejju 2007;
  • għal uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija fir-ranks ta’ kuntistabbli, ta’ surġent jew ta’ surġent maġġur li ma tħallsux għall-overtime li għamlu bejn Jannar 1993 u Diċembru 2009; u
  • u għall-eks ħaddiema tal-Malta Electricity Board, bil-possibilità ta’ ħaddiema oħrajn li huma eliġibbli biex japplikaw għal din l-iskema.


L-iskema hi miftuħa wkoll għall-werrieta tal-persuni eliġibbli li mietu.

 “Legalment il-Gvern ma kienx obbligat jagħti xi forma ta’ kumpens imma hu moralment konvint li dan ir-rifjut jirrendi lilu nnifsu f’inġustizzja meta tinħeba wara xi forma ta’ legalità meta fil-verità taf li kienet twettqet inġustizzja”, qal il-Ministru għall-Finanzi.

Il-Ministru Michael Falzon qal li s-sejħiet għall-applikazzjonijiet mill-kategoriji ta’ ħaddiema se jitħabbru fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ għada filwaqt li spjega li ż-żmien biex wieħed japplika taħt it-tliet skemi jibda minn din il-ġimgħa u jagħlaq fit-28 ta’ Ġunju. Il-ħlasijiet isiru aktar tard matul is-sena wara proċess ta’ verifika.

Il-Ministru qal li se jibbenefikaw madwar 2,800 persuna mill-iskema għal eks membri tal-korpi u għal oħrajn filwaqt li se jibbenefikaw ’il fuq minn 600 persuna li kienu eks ħaddiema tax-xatt jew l-eredi tagħhom.

Sadanittant hemm skema oħra, mfassla mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, biex isiru parti mill-ħlasijiet dovuti lill-pulizija dwar sahra mhux imħallsa bejn Settembru tal-1993 u Diċembru tal-2009.

Il-benefiċjarji li jlaħħqu madwar 2,440 kienu fil-gradi ta’ kuntistabbli, surġent jew surġent maġġur u ħadmu sigħat addizzjonali bħala sahra.

Minn dawn l-uffiċjali, madwar nofshom għadhom iservu fil-Korp filwaqt li l-kumplament huma irtirati jew mejta.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook