Intervista | 'Il-barranin iridu jifhmu li daħlu f’ambjent u kultura li hi tagħna l-Maltin'

Is-sigurtà, is-sindki, l-irwol tal-kunsilliera, il-finanzi tal-kunsilli u l-elezzjonijiet tas-sena d-dieħla. L-Illum titkellem mal-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar.

Il-Whip tal-Partit Nazzjonalista, Robert Cutajar qal li t-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija mhux qed tifhem li l-aktar kwistjoni li qed tinkwieta lill-Maltin hija l-kriminalità u marbuta magħha n-nuqqas ta’ sigurtà.

Cutajar, li huwa wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali saħaq li filwaqt li fl-aħħar snin il-pulizija ddaħħlu bil-mijiet, ħadd ma jaf fejn marru, waqt li insista li hawn għases tal-Pulizija b’nuqqas ta’ riżorsi u anke lokalitajiet li għadhom mingħajr għassa.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Cutajar wara li l-ġimgħa li għaddiet, il-Partit Nazzjonalista nieda 80 proposta għall-Kunsilli Lokali, fejn fost it-temi ewlenin, jitrattaw ukoll is-sigurtà.

Staqsejna lil Cutajar għalfejn dan id-dokument jitratta daqshekk il-kwistjoni tas-sigurtà, meta l-Pulizija ma jaqgħux taħt ir-responsabbilità tal-Kunsilli Lokali. Kien hawn li saħaq li d-dokument jitkellem dwar koperazzjoni akbar li għandu jkun hemm fil-lokalitajiet bejn il-Kunsill Lokali, il-Pulizija u anke l-Gwardjani Lokali.

“In-nuqqasijiet mhux tal-pulizija iżda tas-sistema”

Tul l-intervista sħiħa, Robert Cutajar insista li l-punt tat-tluq u kardinali għandu jkun li jsir ‘Social Impact Assessment’ biex fi kliemu jipprovdi ‘ritratt’ ta’ kull lokalità u għalhekk il-ħidma tal-Kunsilli Lokali u anke tal-Pulizija, tkun ibbażata u mmirata biex tindirizza r-realtajiet ta’ kull lokalità.

Qal li skont il-liġi, kull xahar, il-pulizija suppost jiltaqgħu mal-kunsilli lokali, iżda staqsa kemm fil-verità dan qed isir.

“Il-pulizija ma tistax taħdem waħedha,” insista Cutajar waqt li reġa’ tkellem fuq l-importanza tas-‘Social Impact Assessment.’ “Għandhom ikunu l-kunsilli li jiddentifikaw il-ħinijiet, il-mumenti u ż-żoni fejn il-Pulizija għandhom ikunu preżenti.”

Cutajar kompla jispjega li jaf b’każijiet fejn f’ċertu lokalitajiet ma jkunx hemm pulizija meta tibda jew tispiċċa l-iskola waqt li semma każijiet ta’ abbuż ta’ droga li jsir viċin skejjel u postijiet frekwentati mit-tfal.

Apparti l-iskejjel, Cutajar semma wkoll id-duttrina u anke l-ħinijiet tat-taħriġ tal-futbol tat-tfal u staqsa għalfejn ma għandux ikun hemm pulizija preżenti f’dawn il-ħinijiet differenti tal-ġurnata fejn ikun hemm konċentrazzjoni tat-tfal.

“In-nuqqasijiet mhux tal-pulizija iżda tas-sistema,” saħaq id-Deputat. “Kif taċċetta li fil-Mellieħa l-għassa tagħmillek seba’ ġimgħat mingħajr karozza tas-servizz?”

Kien hawn li Cutajar semma waħda mill-proposti ewlenin ta’ dan id-dokument, jiġifieri l-introduzzjoni tal-‘Community Policing.’ Dan ifisser li f’kull lokalità jkollok numru ta’ pulizija 24 siegħa kuljum, liema grupp ta’ pulizija jkunu dejjem l-istess u jkunu familjari mal-lokalità u anke r-residenti.

Mistoqsi jekk hemmx studji li juru kemm taħdem din il-proposta, Cutajar insista li l-proposti huma riżultat ta’ konsultazzjoni wiesgħa, fosthom anke ma’ esperti fil-Korp tal-Pulizija. “Dan id-dokument huwa doable mill-bidu sal-aħħar.” 

U dwar Paceville u l-Qawra?

Id-dokument ma jsemmi xejn dwar il-Pulizija f’Paceville jew is-sejħa biex tikber l-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra. Dwar dan, Cutajar insista li d-dokument ma jsemmi l-ebda lokalità, iżda qal li r-riżorsi umani f’dawn il-lokalitajiet huma importanti.

“Jiena missier u rrid inkun moħħi mistrieħ meta t-tfal tiegħi jmorru Paceville,” saħaq Cutajar. “Saru nuqqasijiet... il-fatti jitkellmu waħedhom.”

Iżda l-gazzetta ILLUM staqsiet lill-Whip jekk il-Partit Nazzjonalista, meta jitkellem fuq il-kriminalità, hux qed jibbaża l-argumenti tiegħu fuq dak li jaħsbu n-nies u l-istħarriġ tal-Ewrobarometru biss jew inkella hux qed jibbaża fuq fatti u ċifri, anke fid-dawl li l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali kemm-il darba qal li l-kriminalità f’Paceville, qed tonqos.

“Jgħid x’jgħid il-Ministru u ngħid x’ngħid jien, in-nies huma inkwetati,” saħaq Cutajar mingħajr ma kkwota l-ebda prova li l-kriminalità qed tiżdied.

“Kien hawn min ipprova jiġġustifika u qal li l-istħarriġ tal-Ewrobarometru sar ftit wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia... jekk naħsbu hekk inkunu qed naħarbu mill-problema,” insista Cutajar.

“Barranin iridu jifhmu li daħlu f’ambjent u f’kultura li hi tagħna l-Maltin”

Id-dokument isemmi wkoll il-barranin f’Malta u kif il-Kunsilli Lokali jistgħu jgħinu fl-integrazzjoni ta’ dawn il-persuni fil-lokalitajiet f’Malta. Jgħid hekk: “irridu jifhmu li issa qed jiffurmaw parti minn komunità ġdida li għandha tradizzjonijiet magħġunin b’valuri u li jridu jadattaw ruħhom għalihom.”

“Din integrazzjoni, jew assimilazzjoni? Il-PN x’qed jipproponi għal dawn in-nies?”, staqsiet l-ILLUM. “Jista’ jkun li mhux qiegħda daqstant ċara,” ammetta Cutajar, iżda kompla jgħid li “huma wkoll iridu jerfgħu r-responsabbilità tagħhom u jifhmu li daħlu f’ambjent u f’kultura li hi tagħna l-Maltin.”

Konna qed nitkellmu fuq lokalitajiet bħal Buġibba u San Pawl il-Baħar fejn hija viżibbli l-preżenza ta’ barranin li qed jgħixu kważi kważi f’komunitajiet maqtugħin għalihom.

L-għassa tal-Mellieħa ġieli għamlet seba’ ġimgħat mingħajr karozza

“Il-kelma bilanċ hija importanti,” saħaq Cutajar. “Iżda għall-barranin il-Partit Nazzjonalista x’qed joffri,” staqsiet il-gazzetta. “Irridu nedukaw liż-żewġ naħat... jeħtieġ nifhmu li llum dawn huma parti mis-soċjetà tagħna... għandek mal-40,000 ħaddiem barrani f’Malta li qed jaħdem b’mod regolari u fi klassi llum ikollok disa’ studenti minn 15 li huma barranin... u din mhux sfida tal-Marsa jew San Pawl il-Baħar biss.”

Staqsejna wkoll lil Cutajar jekk jaħsibx li l-Partit Nazzjonalista qed jispiċċa jaqa’ fin-nassa li bi kliemu jilliġetimizza sentimenti razzisti meta jitkellem fuq il-barranin u n-nuqqas ta’ sigurtà li teżisti f’ċertu lokalitajiet.

“Assolutament le,” wieġeb mill-ewwel Cutajar. “Imma ma tistax tippretendi li tiġi taqa’ tqum mill-Maltin u minn darna u tagħmel ir-regolamenti għalik. Trid tkun responsabbli ta’ għemilek dejjem u f’kull ħin u kulħadd irid jaddatta.” Insista li dan jgħodd ukoll għal Maltin li għandhom velleġġatura. Għandhom jintlaqgħu u l-kunsilli jieħdu ħsiebhom.

Taqblu jew le li s-sindku jkun full-time?

Mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni, li kien ukoll Sindku tal-Mellieħa, tkellimna dwar jekk is-sindki għandhomx jaħdmu ‘full-time,’ anke għax il-Partit Nazzjonalista ddedika biss kapitlu żgħir dwar dan u li fih kważi kważi ma qal xejn, għajr li għandha ssir konsultazzjoni.

“Mhux neskludu li s-sindki jistgħu jkunu ‘full-time.’ Sintendi li naqblu,” qal Cutajar iżda saħaq li l-Ministru żbalja meta qabad u qal li dawn se jsiru ‘full-time’ mingħajr l-ebda konsultazzjoni.

Staqsa kif se jaħdmu, jekk hux se jidħlu fl-iskala tal-Gvern u x’paga se jieħdu jekk bħalissa sindku jieħu kumpens pro-rata tal-paga ta’ Membru Parlamentari, li lanqas hu ma jaħdem ‘full-time.’ “Min hu professjonist u huwa persuna valida se jkollu jitlaq il-professjoni?”

“Jien ftit xettiku dwar sindki li ma jkunux residenti”

U x’jaħseb Cutajar dwar is-sindki li mhux residenti fil-lokalità? Ma tistax tkun sindku tal-ġlekk u l-ingravata. L-ewwel ingredjent huwa li tkun tħobb il-lokalità tiegħek, insista Cutajar. Għalkemm id-dokument ma jsemmi xejn, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li huwa xi ftit xettiku dwar sindki li ma jkunux qed jgħixu fil-lokalità. Filwaqt li saħaq li mhux qed jiġġudika l-ebda sindku, qal li “jekk tkun tqum u toqgħod fil-lokalità se tifhem aktar l-isfidi tar-residenti.”

Staqsejna wkoll lill-Whip jekk l-istess kunċett ta’ sindku ‘full-time’ għandux japplika wkoll għall-kunsilliera, ġaladarba l-proposti tal-PN jiffukkaw ħafna fuq il-kuntatt tal-kunsill man-nies u l-irwoli tal-kunsilliera. Filwaqt li ma ċaħadx li dan jista’ jkun possibbli, fakkar li kull kunsillier suppost ikollu rwol li jingħatalu mis-sindku fil-bidu tal-leġislatura.

Għandna nkunu aktar kawti meta nagħżlu l-kandidati

Mistoqsi dwar jekk il-politika għandhiex tinfired mill-kunsilli lokali, Cutajar insista li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ konsistenti.

Qal li l-partiti għandhom jibqgħu jikkontestaw iżda insista li għandhom ikunu aktar kawti meta jagħżlu l-kandidati u importanti wkoll li l-kunsilli jitħallew jaħdmu fil-libertà.

“L-ewwel interess ta’ kunsillier ma għandux ikun il-partit iżda r-resident,” saħaq Cutajar. “Ma għandekx tieħu d-deċiżjoni skont x’jaqbel lill-partit politiku.”

Meta staqsejna lil Cutajar jekk fil-konsultazzjoni dwar il-proposti, kinux inklużi wkoll sindki u kunsilliera Laburisti, il-Whip qal li b’mod uffiċjali ma kienx hemm, għalkemm saħaq li personalment tkellem ukoll ma’ sindki u kunsilliera Laburisti.

“Mill-kunsilli lokali se nixxaħħu?”

Fost oħrajn, il-proposti jsemmu li għandu jkun hemm kunsillier responsabbli mill-qasam soċjali biex jaħdem fil-qrib ma’ persuni b’realtajiet diversi. Hawn Cutajar reġa’ insista fuq l-importanza ta’ ‘Social Impact Assessment’ għax fi kliemu, il-kunsilli lokali għandhom ikollhom stampa ċara tar-realtajiet li jeżistu fost ir-residenti, fosthom kemm jgħixu residenti b’diżabilità, residenti bi problemi ta’ saħħa mentali, persuni f’riskju ta’ faqar jew saħansitra persuni li għandhom problema ta’ obeżità.

Naħsibha darbtejn nikkritikax art ODZ li tinbidel fi ġnien b’gym fuq barra

Iżda insistejna ma’ Cutajar dwar l-importanza li kunsillier jeħtieġ li jkun imħarreġ jekk se jkollu r-responsabbilità li jaħdem ma’ residenti li għaddejin minn ċertu sfidi, fosthom vittmi ta’ vjolenza domestika jew eks priġunieri.

Cutajar saħaq li t-taħriġ jissemma fid-dokument, anke għall-istaff għax fi kliemu, jeħtieġ li jissaħħu r-riżorsi umani fil-kunsilli. “Jekk Ministeru għandu 40 impjegat u persons of trust, se nixxaħħu mill-kunsilli lokali?... Il-kunsill lokali għandu jkun ‘hub...’ għalfejn b’kull applikazzjoni trid toqgħod tmur il-Belt?”

“Naħsibha darbtejn nikkritikax jekk ODZ tinbidel f’open air gym”

Skont il-Whip, l-istess jgħodd għall-proposti dwar il-ħajja sana. Fakkar kif fl-2014, l-Oppożizzjoni ppreżentat Liġi l-Obeżità u l-Ħajja Sana. Insista li minn ħames avviżi legali, fosthom wieħed dwar l-irwol tal-kunsilli, l-ebda wieħed għadu ma ddaħħal fis-seħħ.

Insista li għandu jkun hemm flus allokati biex kull sena, kull kunsill, jagħmel kampanja attiva u edukattiva dwar xi tfisser ħajja sana. Saħaq li jekk din l-isfida tkun indirizzata fuq livell ta’ lokalità, ir-riżultati se jkunu ħafna aħjar. Avviż legali ieħor huwa dwar l-anzjani. “Ma nistgħux nibqgħu b’ċentri ta’ matul il-jum għat-tombla biss... il-kunsill għandu jara li jkun hemm programmi għaddejjin b’mod regolari.”

Kien hawn li saħaq li jaħsibha darbtejn jikkritikax art ODZ li tinbidel fi ġnien b’gym fuq barra.

“Irridu naħsbu ’l barra mir-responsabbilità tal-bankina,” insista Cutajar.

80 proposta...iżda kemm jiswew?

Huma proposti sbieħ. Iżda kull proposta tiswa l-flus. Il-Partit Nazzjonalista għamel costing ta’ dawn il-proposti?

“Bl-allokazzjoni tal-lum, dan id-dokument tista’ titfgħu fil-kexxun,” saħaq Cutajar. Imma hemm ċifra? “Jekk ngħidlek iva se nkun qed nigdeb.”

Semma l-Furjana li għandha allokazzjoni ta’ €300,000 u minnhom trid tħallas mat-€80,000 pagi. Il-Mellieħa għandha aktar minn €1 miljun. Iżda mbagħad semma wkoll lokalità turistika żgħira f’Ċipru, b’popolazzjoni ta’ 3,000 resident u li għandhom baġit ta’ €30 miljun.

Insista li dawn il-proposti qed jagħtu l-għodda lill-Gvern biex mingħajr ma jżid l-ebda taxxa, iżid is-sorsi ta’ dħul billi finanzi pubbliċi jkunu investiti fil-lokalitajiet. Fost dawn jipproponu li persentaġġ mid-dħul tat-Taxxa fuq il-Valur (VAT) li jkun iġġenerat fil-lokalità, għandu jmur lura għand il-Kunsilli Lokali .

Jipproponi wkoll li 50% tat-taxxa fuq it-turiżmu għandha tmur għand il-Kunsilli Lokali kif għandhom jgħaddu wkoll ħlasijiet fuq l-użu tal-art, fosthom biex jinħarġu l-imwejjed u s-siġġijiet.

“Ejja nonfqu l-flus u nonfquhom bil-għaqal,” saħaq Cutajar. “Jekk il-Gvern jgħidli ma hemmx flus insaqsih fejn qed imur is-surplus.”

Sena oħra r-residenti jivvutaw... lejn xiex qed jimmira l-PN?

Hekk kif sena oħra l-Maltin u l-Għawdxin kollha se jivvuttaw u jeleġġu l-kunsilli lokali l-ġodda, staqsejna lil Cutajar x’inhi l-mira tal-Partit Nazzjonalista. Staqsejnieh jekk hux jimmira li jirbaħ lura kunsilli li tilef u jekk hux jibża’ li jitlef oħrajn.

Cutajar qal biss li l-PN jemmen li jista’ jirbaħ mill-ġdid xi lokalitajiet iżda insista li fuq kollox se jmur quddiem l-elettorat bħala l-Partit li dejjem emmen fil-Kunsilli.

U jibża’ li jitlef xi lokalitajiet? “Ikollok lokalitajiet li fihom iċ-ċansijiet ikunu tajbin u oħrajn ikunu kważi impossibbli li tirbaħhom.”

Taħt Adrian Delia ħadna inizjattivi li bihom ġibna warajna kunsilliera tal-Partit Laburista

Kompla jisħaq li fil-politika ġimgħa hija twila. “Il-Partit Nazzjonalista mhux se jkun prużuntuż.”

Iżda fakkarnieh ukoll li l-Viċi Kap Robert Arrigo diġà donnu qata’ qalbu li l-PN iġib riżultat tajjeb f’dawn l-elezzjonijiet, tant li din il-ġimgħa qal li l-Partit jista’ jitlef it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew.

“Inkunu dejjem saqajna mal-art. Inkunu prużuntużi jekk ngħidu li se nirbħu jew se nitilfu,” saħaq Cutajar waqt li fakkar li taħt Adrian Delia, il-Partit Nazzjonalista ħa inizjattivi li permezz tagħhom ġab warajh anke kunsilliera tal-Partit Laburista, fosthom fil-lokalitajiet tal-Munxar (dwar id-demmiela), fin-Naxxar (dwar l-inċineratur) u tal-Mellieħa (dwar il-by-pass).

Bħalissa l-proċess tar-riforma tal-kunsilli lokali jinsab fid-diskussjonijiet finali bil-Gvern jgħid li fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed toħroġ White Paper, għall-konsultazzjoni pubblika.

More in Politika