Miexi ġmielu x-xogħol fuq iċ-ċentru tas-saħħa f’Ħal Kirkop

Il-gazzetta ILLUM iżżur ix-xogħlijiet li għaddejin bħalissa fuq iċ-ċentru tas-saħħa li se jilqa’ fih mat-28,000 pazjent fis-sena

Ir-residenti li joqogħdu fil-lokalitajiet viċin ir-raħal pittoresk ta’ Ħal Kirkop se jkunu jistgħu jibdew jirċievu kura primarja minn ċentru tas-saħħa ġdid li mistenni jilqa’ fih l-ewwel pazjenti sa Settembru li ġej.

Il-gazzetta ILLUM żaret l-aħħar xogħlijiet li għaddejin bħalissa fuq il-bini ta’ dan iċ-ċentru tas-saħħa u tkellmet mal-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, Carmen Ciantar u anke mal-Uffiċjal Kap tal-Proġett, l-Inġinier Andrew Vella Zarb.

Ciantar spjegat li l-proġett kien jinkludi r-ristrutturar ta’ bini li diġà kien eżistenti u li miegħu żdied sular addizzjonali. B’kollox, dan il-proġett, qed isir b’investiment ta’ ftit inqas minn €900,000.

F’dan iċ-ċentru se jkunu qed jingħataw l-ewwel kura r-residenti ta’ Ħal Kirkop, iż-Żurrieq, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Safi, Ħal Farruġ u anke Ħal Far. Bħalissa dawn ir-residenti jkollhom jinqdew miċ-ċentru tas-saħħa tal-Furjana.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Medici spjegat li huwa stmat li ċ-ċentru tas-saħħa se jilqa’ madwar 28,000 pazjent kull sena.

Ma’ Ciantar u Vella Zarb dorna sular sular u rajna b’għajnejna x-xogħlijiet li għaddejin bħalissa fuq il-binja mifruxa fuq 500 metru kwadru.

Spjegaw kif il-mira hija li sa Mejju li ġej ikunu lesti x-xogħlijiet marbuta mal-kostruzzjoni, inkluż l-aħħar irtokki, fosthom il-madum u ż-żebgħa, biex fix-xhur ta’ wara jkun jista’ jibda jiġi installat it-tagħmir mediku, tiddaħħal l-għamara u jkun jista’ jibda t-taħriġ għall-ħaddiema.

Dħalna mid-drive-in mibnija apposta biex tkun tista’ tilqa’ fiha ambulanza. Dan se jagħmilha wkoll aktar faċli għal dawn il-pazjenti minn din iż-żona li jkollhom bżonn is-servizz tal-ambulanza biex jaslu fl-Isptar Mater Dei kemm jista’ jkun malajr.

Fis-sular ta’ isfel bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet li għandhom x’jaqsmu mal-inġinerija elettrika u mekkanika u anke l-installazzjoni ta’ pajpijiet li jintuża għall-gassijiet mediċi bil-għan li dawn jaslu f’diversi partijiet tal-binja.

Dan is-sular, fost affarijiet oħra, se jkun jinkludi kmamar fejn ipoġġu t-tobba.

Ix-xogħlijiet fl-ewwel sular huma aktar avvanzati, fejn saħansitra diġà tpoġġa l-madum u għaddej ix-xogħol tat-tikħil. Dan is-sular se jkun qed jinkludi diversi kmamar biex fihom jingħataw servizzi varji u speċjalizzati (ara l-kaxxa aktar ‘l isfel.)

Hawnhekk l-uffiċjali tal-Fondazzjoni tkellmu mal-ILLUM dwar id-diversi miżuri li ttieħdu biex din il-binja mhux biss tkun aċċessibbli għal kulħadd imma biex anke tkun tinkludi diversi standards li għalkemm mhux bilfors neċċessarji huma importanti f’binja esposta għall-mard.

Fil-fatt, minkejja l-ammont ta’ twieqi u l-ventilazzjoni li teżisti f’din il-binja, li tinsab f’żona pjuttost miftuħa, ġiet installata sistema biex l-arja ta’ spiss u faċilment biex hekk il-kwalità tal-arja tkun ħafna aħjar.

Fit-tieni sular, li huwa dak addizzjonali, se jkun hemm diversi faċilitajiet għall-ħaddiema taċ-ċentru tas-saħħa u anke shower għall-persuni b’diżabilità li hu mitlub li jkun hemm f’kull binja simili.

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi hija responsabbli mit-tfassil, l-ippjanar u bini ta’ proġetti fil-qasam tal-saħħa. Għadd ta’ periti u inġiniera, apparti l-estetika tal-proġett, jassiguraw li faċilità tkun tista’ taqdi l-għanijiet li għaliha tkun inbniet.

Fost l-akbar proġetti li l-FMS kienet involuta fihom fl-aħħar kien iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo u anke l-bini ta’ żewġ swali f’binja ġdida biswit l-emerġenza.

Bħalissa l-Fondazzjoni qed tiffoka l-ħidma tagħha fuq il-bini ta’ hub reġjonali tas-saħħa f’Raħal Ġdid, proġett li se jsir b’investiment ta’ €39 miljun. Fi kliem Ciantar, dan se jkun daqs “sptar żgħar,” fejn fost servizzi oħra se jkun qed jinkludi anke teatru għal operazzjonijiet minuri.

Aktar tard din is-sena, mistennija jibdew ukoll xogħlijiet fuq iċ-ċentru tas-saħħa tal-Gżira bil-għan li jsir aktar aċċessibbli.

X’servizzi se joffri ċ-ċentru ta’ Ħal Kirkop?

  • Servizz ta’ tobba tal-komunità
  • Kmamar għat-trattament
  • Klinika tal-għajnejn
  • Servizz għas-saħħa mentali
  • Servizz ta’ fiżjoterapija
  • Servizz ta’ podjatrija
  • Klinika għad-dijabete
  • Servizz ta’ speech therapy, fost

More in Politika