Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Il-familja Caruana Galizia jisħqu mal-Qorti biex tieħu passi kontra l-Awtorità tal-Ippjanar

Dan wara li l-Awtorità tal-Ippjanar neħħiet strixxun li ddendel ma' faċċata ta' propjetà fil-Belt Valletta

Yendrick Cioffi / 16 t'April 2018 10:46
L-armel tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u anke uliedhom talbu lill-Qorti biex twaqqaf lill-Awtorità tal-Ippjanar milli tneħħi minn spazji pubbliċi strixxuni li jikkritikaw lill-Gvern.

Peter Caruana Galizia, flimkien ma’ Matthew, Andrew u Paul ippreżentaw dan ir-rikors quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili.

Huma jagħmlu referenza għan-nota ta’ infurzar biex jitneħħa strixxun li tpoġġa ma’ faċċata ta’ dar fi Triq l-Ifran il-Belt Valletta.

Dan l-istrixxun jistaqsi għalfejn Keith Schembri u Konrad Mizzi mhumiex qegħdin il-ħabs, għalfejn mart il-Prim Ministru mhux qed tiġi investigata u min ħallas għall-qtil ta’ Caruana Galizia.

Il-familja Caruana Galizia qed tisħaq li t-tneħħija ta’ dawn l-istrixxuni qed tikser id-dritt fundamentali tal-espressjoni. Jisħqu li kulħadd għandu dritt jitkellem fuq kontroversji politiċi u jesprimi l-opinjoni tiegħu fil-pubbliku mingħajr indħil.

Kienu diversi dawk li l-attivisti li wrew id-diżaprovazzjoni tagħhom meta kienu tneħħew tliet billboards mit-toroq li wkoll kienu jistaqsu dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.

Dan apparti kontroversja li kien daħal fiha ċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef meta kien talab li jitneħħew strixxuni li kienu tpoġġew fuq oħrajn tal-Fondazzjoni. Huwa kien saħaq li l-attivisti kisru l-liġi u ħamġu l-istrixxuni tal-V18.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook