Protezzjoni aħjar għat-tfal li jispiċċaw żugraga f’divorzju tal-ġenituri

  • Iż-żieda fin-numru ta’ divorzji qed twassal għall-ħtieġa ta’ liġijiet li jħarsu t-tfal
  • L-MEPs jipproponu li dawn il-liġijiet għandhom jenfasizzaw fuq il-protezzjoni tal-minuri

It-tfal fid-divorzju...imma huma protetti?
It-tfal fid-divorzju...imma huma protetti?

F’Malta sal-11 ta’ Diċembru tal-2017 kienu ngħataw 76 divorzju għas-sena li għaddiet, filwaqt li kienu 124 dawk li ngħataw fl-2016. Madwar l-Ewropa n-numru tad-divorzji qed jiżdiedu u dawn minnhom infushom qed joħolqu magħhom problemi ġodda legali b’mod speċjali fejn jidħlu t-tfal. Dan għaliex qed ikun hemm każijiet fejn wieħed mill-ġenituri jagħżel li jaħtaf lill-ulied u jaħrab bihom f’pajjiż ieħor, fejn ikun ferm aktar diffiċli għall-ġenitur l-ieħor li jsibhom jew li jagħmel kuntatt magħhom. Fil-Parlament Ewropew għalhekk saret diskussjoni fuq rapport miktub minn Tadeusz Zwiefka mill-grupp tal-Partit Popolari Ewropew.

Huwa stmat li kull sena jingħataw mal-140,000 divorzju madwar l-Ewropa, 16-il miljun familja hija internazzjonali bil-ġenituri jkunu ta’ nazzjonalitajiet differenti jew minn pajjiżi ’l barra mill-Unjoni Ewropea. Huwa stmat ukoll li kull sena jkun hemm 1,800 ġenitur li jagħżel li jaħtaf lill-ulied u jċaħħad lill-ġenitur l-ieħor milli jara t-tfal għaliex imur jgħix bihom f’pajjiż ieħor. Fil-Parlament Ewropew hemm medjatur għal dawn is-sitwazzonijiet, liema pożizzjoni fil-preżent hija okkupata minn Elisabeth Morin-Chartier.

Għar-rapport ta’ Zwiefka tressqu ammont ta’ emendi min-naħa tal-MEPs li qed jipproponu t-tisħiħ tad-drittijiet tat-tfal matul il-proċeduri legali kollha fil-kwistjonijiet tad-divorzju tal-ġenituri. Dan għandu jwassal biex it-tfal ikollhom id-dritt li jwasslu l-opinjonijiet tagħhom, permezz ta’ proċeduri legali apposta bl-involvimenti ta’ professjonisti, mingħajr ma ssir pressjoni fuq l-ulied. Liema smigħ irid isir mingħajr il-preżenza tal-ġenituri waqt il-proċeduri. Proposta oħra interessanti hija li l-istat għandu jagħti l-akbar għajnuna, li tinkludi wkoll dik finanzjarja lill-ġenituri biex ikunu jistgħu jgħaddu mill-medjazzjoni.

Jekk wieħed jew l-ulied kollha jinħatfu minn ġenitur u jittieħdu f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea, qed jiġi propost li l-kwistjoni legali li tinqala’ ma tibqax trattata daqslikieku każ normali tal-Qorti, iżda li jiġi deċiż minn Imħallfin tal-familja b’esperjenza jew saħansitra irtirati b’esperjenza. Dan biex dejjem tingħata aktar prijorità lejn l-interessi tat-tfal. Qed issir enfasi fuq il-qsim tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet konċernati tal-pajjiżi membri.

 

Fl-emendi mressqa, l-MEPs jagħmlu enfasi partikolari għall-medjaturi u l-irwol tagħhom fi kwistjonijiet familjari, li jkollhom aktar involviment dirett fil-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, mhux biss biex jippruvaw iwasslu għar-rikonċiljazzjoni tal-ġenituri.

 

L-Ewropa tqis li t-tfal huma l-iżjed vulnerabbli fi kwistjonijiet familjari, speċjalment bejn il-ġenituri. Għalhekk fost l-emendi mressqa għal dan ir-rapport hemm li d-deċiżjonijiet meħuda minn Qorti f’pajjiż Ewropew għandhom jiġu rispettati fil-pajjiżi kollha l-oħra tal-Unjoni Ewropea u infurzati bl-istess Qrati. Hawnhekk qed jiġu proposti miżuri addizzjonali ta' infurzar biex id-deċiżjonijiet jiġu infurzati bl-aħjar fl-interess tal-ulied.

More in Politika