'Kburi li mmexxi wieħed mill-pajjiżi tal-UE bl-akbar rati ta' tkabbir ekonomiku'

Waqt Summit tal-Mexxejja tal-UE Muscat jerġa jfakkar li kull ftehim li għandu jsir mar-Renju Unit għandu jsir dejjem f’sens sħiħ ta’ rispett lejn il-leġislazzjonijiet Ewropej 

Il-PM Muscat waqt Summit fi Brussell
Il-PM Muscat waqt Summit fi Brussell

F’kummenti li ta l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt is-summit tal-Mexxeja Ewropej fi Brussel huwa qal li jinsab sodisfatt li mal-istess mejda li kienu qed jiltaqgħu l-mexxeja Ewropej biex jiddiskutu t-tkabbir tal-impjiegi u l-kompettività, huwa jmexxi wieħed mill-aktar pajjiżi li għandhom l-ikbar rata ta’ tkabbir ekonomiku u tkabbir fl-impjiegi fl-Unjoni Ewropea.

Qegħdin mal-mejda mhux bħala pajjiż li qiegħed jeqred iżda bħala pajjiż li qed joħloq il-ġid, qal Dr Muscat filwaqt li tenna li l-isfida llum f’pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjiegi hija sabiex jinstabu biżżejjed ħaddiema.

'Qed jirrenja s-sens komun fid-diskussjonijiet dwar Brexit'

Dwar il-kwistjoni tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, Muscat qal li f’dan is-summit il-mexxeja se jkunu qed jaqblu li jimxu pass ieħor fid-diskussjonijiet li qed isiru, diskussjonijiet li qed ikunu xprunati mis-sens komun minkejja liż-żewġ partijiet qed jinsistu fuq l-interessi tagħhom tenna Dr Muscat.

Il-Prim Ministru stqarr li kull ftehim li għandu jsir mar-Renju Unit għandu jsir dejjem f’sens sħiħ ta’ rispett lejn il-leġislazzjonijiet Ewropej u mhux ftehim li jmur kontrihom. Dwar id-diskussjonijiet li għaddejjin Muscat qal li s’issa ma sar l-ebda progress f’dak li għandu x’jaqsam ma’ fruntieri bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża u skontu hija l-unika issue li fuqha għad m’hemmx xaqq ta’ dawl li jindika qbil.

Dwar il-kwistjoni tat-taxxa,Muscat qal li għandek dejjem il-prinċipju ta’ no taxation without representation u l-aħjar mod ta’ kif it-taxxa tkun iggvernata huwa fuq livell nazzjonali.

Il-Prim Ministru semma kif qed inħarsu lejn żewġ proposti li qed isiru mill-Kummissjoni Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam ma’ taxxa diġitali. Proposta minnhom hija li għandu jkun hemm taxxa fejn qed ikun ikkonsmat il-prodott "u dik ma naqblux magħha għax inkella għalxejn jeżisti s-suq komuni." Huwa elenka kif fit-tieni proposta hemm punti li huma interessanti jekk ikunu studjati sew. Muscat qal li fuq it-tieni proposta hemm lok ta’ diskussjonijiet b’mod li ma jkunx hemm xi ħsara lill-ekonomija tagħna.  Biss irid ikun hemm aktar dettalji.

Fuq l-istess punt, il-Prim Ministru qal li l-kunċett ta’ digital tax huwa interessanti, iżda l-ewwel irid ikun hemm spjega ċara bejn dak li huwa ekonomija diġitali u ekonomija mhux diġitali, xi haga li hija difficli li ssir. It-tieni rridu naraw li fl-istess ħin li l-Unjon Ewropea qed titlob lill-Istati Uniti sabiex ma joħolqux barrieri għall-kummerċ, ma nistgħux bħala Ewropa nagħmlu barrieri aħna lill-kumpaniji Amerikani u għandu jkun hemm il-konsistenza u fl-aħħarnett l-Unjoni Ewropea ma tridx tidher li qed tagħmel taxxa fuq l-innovazzjoni, qisha xi ħaġa li nibżgħu minnha, xi ħaġa ġdida u allura nintaxxawha. Dawk huma l-kunċetti li rridu nitkellmu dwarhom, temm jgħid Muscat.

 

 

More in Politika