Jiċħad li kien hemm pressjoni biex Imħallef Emeritu jieħu pensjoni tal-eks Deputati

....iwaħħal f'ċerti Deputati u 's-sensazzjonaliżmu fuq il-midja' minħabba li l-kwistjoni tal-pensjonijiet ma komplietx tkun diskussa...

Lino Debono mill-Assoċjazzjoni tal-eks Deputati
Lino Debono mill-Assoċjazzjoni tal-eks Deputati

Meta kien qed jitkellem f'konferenza għall-midja Lino Debono, Segretarju tal-Assoċjazzjoni tal-eks-Deputati Parlamentari, saħaq illi mhux vera kien hemm pressjoni biex l-Imħallef Emeritu Philip Sciberras jingħata pensjoni tal-eks Deputati, anke jekk skont rapport fuq is-Sunday Times ta' nhar il-Ħadd li għadda, hu fil-fatt ma kienx jikkwalifika. Debono minflok spejga li Sciberras kien xorta ingħata din il-pensjoni hekk kif, għalkemm it-Teżor kien interpreta l-liġi b'mod differenti mill-assoċjazzjoni, "mbagħad kienet rikjesta l-opinjoni tal-Awditur Ġenerali, li qabel mal-assoċjazzjoni." 

Intant Debono sostna li kien irrabjat bid-deċiżjoni li ma tinbidilx il-liġi biex Deputati li jkunu għamlu leġiżlatura waħda (u ħames xhur) fil-Parlament,  jkunu eliġibbli għal pensjoni. Huwa kompla jgħid li l-Kap tal-PN Adrian Delia messu kellu d-diċenza jinforma lill-Assoċjazzjoni u mhux l-istess assoċjazzjoni ssir taf mill-midja li l-Oppożizzjoni mhux se tkun qed tagħti l-appoġġ tagħha għall-emendi proposti mill-Gvern.

Il-ġimgħa l-oħra l-Gvern iddeċieda li jwaqqaf riforma dwar il-Liġi tal-Pensjoni tad-Deputati wara li l-Kap tal-PN Adrian Delia ħabbar li l-PN se jkun qed iwaqqaf l-appoġġ tiegħu sakemm isir titjib fil-pensjonijiet li jirċievu l-anzjani. Mingħajr l-Oppożizzjoni l-bidliet ma jistgħux jidħlu fis-seħħ.  

Lino Debono qal li l-emendi li kienu se jsiru kienu se jaffetwaw b'kollox lil 20 eks-Deputat Parlamentari. Huwa sostna li kif inhuma l-affarijiet bħalissa deputati jridu jkunu fil-Parlament għal leġiżlatura sħiħa u ħames xhur oħra biex ikunu eliġibbli. 

 

More in Politika