Il-Gvern iniedi sejħa għal skema ta’ boroż ta’ studju fil-qasam sportiv

Mill-2012 il-Gvern investa €720,000 għal total ta’ 80 għotja li jiffukaw fuq studji u fuq taħriġ professjonali

Is-Segretarju Parlamentari Clifton GrimA
Is-Segretarju Parlamentari Clifton GrimA

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima nieda sejħa għal għotjiet ta’ boroż ta’ studju għall-2018 bl-intenzjoni li jkompli jikber l-investiment f’atleti Maltin involuti fl-organizzazzjoni u fl-immaniġġjar ta’ inizjattivi sportivi.

Is-Segretarju Parlamentari qal li l-Gvern qed jaħdem b’mod konsistenti għall-promozzjoni tal-isport bħala professjoni u dixxiplina f’Malta. Permezz ta’ dawn il-boroż ta’ studju, il-Gvern qed ikompli jinkoraġġixxi l-iżvilupp professjonali ta’ dawk kollha involuti fl-isport u fl-immaniġġjar tal-qasam sportiv. Barra minn hekk qed ikomplu jiżdiedu dawk li jaħdmu fil-qasam sportiv u b’hekk inkunu qed insaħħu l-infrastruttura sportiva f’pajjiżna.

Mill-2012 il-Gvern investa €720,000 għal total ta’ 80 għotja li jiffukaw fuq studji u fuq taħriġ professjonali lokalment jew barra minn xtutna. L-assistenza pprovduta kkontribwiet kemm għal studji akkademiċi kif ukoll għal aktar taħriġ professjonali inklużi PhDs fil-mediċina sportiva, psikoloġija sportiva, korsijiet tal-immaniġġjar fil-qasam sportiv, korsijiet ta’ coaching u taħriġ sportiv f’diversi dixxipplini inklużi l-badminton, il-waterpolo u l-weightlifting.

Din is-sena l-iskema ta’ għotjiet għal boroż ta’ studju fil-qasam sportiv qed tipprovdi fondi għal atleti ta’ prestazzjoni għolja u għal persuni li jaħdmu mal-atleti biex iwettqu programmi ta’ taħriġ jew korsijiet ta’ mhux inqas minn 100 siegħa mifruxa fuq erba’ ġimgħat konsekuttivi jew għal programm ta’ studju li jwassal għal-livelli MQF 5 sa 8. L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi online fuq myscholarship.gov.mt sal-20 ta’ April, 2018.

More in Politika