Bastiment miżmum fi Sqallija għax niżżel l-immigranti f'Pozzallo u mhux f'Malta

Abbord il-bastiment kien hemm 218-il immigrant salvat 75 mil nawtiku 'il barra mill-Kosta Libjana

Vapur tal-organizzazzjoni Spanjola, ProActiva Open Arms, qed jinżamm mill-awtoritajiet fi Sqallija wara li skont siti tal-aħbarijiet Taljani, l-ekwipaġġ ma aċċettax li jniżżel il-218 immigrant abbord f’Malta.

Il-bastiment tal-organizzazzjoni Spanjola salva lill-immigranti madwar 75 mil nawtiku ‘il bogħod mill-kosta Libjana.

Rapporti qed jisħqu li dwar dawn l-immigranti nqala’ diżgwid diplomatiku bejn Malta, il-Libja, l-Italja u Spanja għalkemm il-Gvern Malti ċaħad dan mat-Times of Malta.

Kelliem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal mal-istess sit li l-operazzjoni ta’ salvataġġ ma kinitx ikkordinata mill-awtoritajiet Maltin u seħħet fiż-żona ta’ tfittxija u salvataġġ Libjana. Insista li Malta ma kellha l-ebda obbligazzjoni li tieħu l-immigranti.

Skont siti tal-aħbarijiet fi Sqallija, ftit wara li ġew salvati, il-gwardji tal-kosta Libjani talbu li l-immigranti jittieħdu lura lejn il-Libja iżda kemm l-immigranti u anke l-NGO rriffjutaw  għax is-salvataġġ seħħ f’ibħra internazzjonali.

Rapporti qed jgħidu li ċ-Ċentru għall-Koordinament tas-Salvataġġ f’Ruma ta struzzjonijet lill-ekwipaġġ biex iniżżel lill-immigranti fl-aktar port sigur. F’dan il-każ, Malta kienet l-aktar viċin.

Jidher li f’Malta tniżżlu biss omm u t-tarbija tagħha li għandha tliet xhur iżda l-bastiment mar bl-immigranti l-oħra lejn Pozzallo.

Dan kien l-ewwel każ li fih kien hemm involut salvataġġ kbir ta’ immigranti viċin Malta u l-Italja mill-elezzjoni li tat lit-Taljani Parlament staġnat.

L-immigrazzjoni kienet waħda mit-temi ewlenin f’din l-elezzjoni bil-partiti li ġabu l-aktar voti, jiġifieri l-Movimento Cinque Stella u anke l-Lega Nord (parti mill-koalizzjoni taċ-Centro Destra) jisħqu li l-Italja mhux se tibqa’ taċċetta l-immigranti rregolari kollha li jkunu salvati bejn il-Libja, Malta u Sqallija.

Silvio Berlusconi, li l-partit tiegħu, Forza Italia, huwa parti miċ-Centro Destra, kien qal ċar u tond li Malta se jkollha tibda tieħu l-immigranti wkoll.

Minn meta kien sar Prim Ministri Matteo Renzi, l-immigranti rregolari salvati bejn Sqallija, Malta u l-Libja kienu qed jitniżżlu kollha fl-Italja għalkemm ir-raġuni baqgħet qatt ma ġiet iċċarata.

More in Politika