Analiżi | Meta triq ma’ tibqax sempliċiment triq...

Meta triq jista’ jkollha ħafna tifsiriet , b’waħda minnhom tfisser li jkollhom jagħlqu ħafna kmamar tan-nar. L-ILLUM tagħti ħarsa lejn deċiżjoni tal-Qorti dwar il-Kamra tan-nar tal-Mosta u l-implikazzjonijiet tagħha...

Il-Mosta...bla kamra tan-nar?
Il-Mosta...bla kamra tan-nar?

Immaġina jiġi xi ħadd (Malti) fuqek u jistaqsik, ‘tista’ tispjegali x’inhi triq?’ Probabilment tibqa’ ċċassat lejh. Imma fir-realtà, kienet it-tifsira legali ta’ x’inhi triq illi fil-fatt wasslet biex il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri, l-Imħallef Giannino Caruana Demajo u l-Imħallef Noel Cuschieri, ħadet deċiżjoni li fissret illi l-lokalità tal-Mosta probabilment se jkollha tagħlaq il-kamra tan-nar minħabba il-kwistjoni tad-distanza minn triq partikolari użata minn xi bdiewa. Dan dejjem sakemm ma jidħolx għall-istess kamra tan-nar il-Gvern  permezz ta’ bidliet legali, xi ħaġa li diġà ġiet indikata li se tiġri.

Id-dilettanti tal-kmamar tan-nar esprimew il-biża’ li fil-fatt din is-sentenza se toħloq preċedent li se jwassal biex jingħalqu bosta kmamar tan-nar li huma viċin toroq simili jew residenzi.

Imma x’ġara eżatt? U x’ħareġ eżatt mis-sentenza? U l-liġi x’tgħid eżattament dwar il-kmamar tan-nar? Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn l-aħħar żviluppi u fatti speċjalment għal dawk l-eluf kbar ta’ Maltin li n-nar jħobbu jsegwuh imma ftit li xejn huma konxji tal-qafas legali li hemm warajh.

Il-Liġi hija ċara...

Kapitlu 33 tal-‘Expolosives ordinance’ f’punt numru 4 hemm miktub ċar illi fabbrika tan-nar jeħtieġ tkun, mhux iktar ’il bogħod minn 183 metru minn 1) post abitat, 2) kwalunkwe triq li tintuża b’mod regolari għall-passaġġ tal-vetturi b’mutur jew 3) kwalukwe triq f’madwar 183 metru wara l-parir tal-Kummissarju tal-Pulizija wara li dan jikkonsulta mad-Direttur tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Din id-distanza qed tirreferi dejjem mill-kamra minn fejn jinħadem in-nar

Ċara hux? Fil-fatt, le. Mhux daqstant.  Għax legalment post abitat x’inhu? U meta ngħidu li triq tintuża b’mod “regolari”, x’jiġifieri? Regolari, kemm?

Naraw x’qalet il-Qorti...

Il-Piroteknika,  arti prattikata minn ħafna f'Malta
Il-Piroteknika, arti prattikata minn ħafna f'Malta

...Mhux daqstant ċar

Nies li ressqu l-protest kontra l-Każin ta’ Santa Marija tal-Mosta, Brian Abela u Carmelo Attard, xehdu li huma jgħixu f’distanza inqas mill-183 metru. Abela, 110 metru u Attard 142 metru.

Il-membri tal-każin flimkien mal-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali fakkru illi dik ta’ Attard mhix residenza imma biss kamra tad-delizzju. Din allura ma taqax taħt l-ispeċifikazzjonijiet tal-Liġi. Min-naħa l-oħra iżda, ir-residenza ta’ Abela hija 110 metri ’l bogħod minn din il-kamra tan-nar, li huwa inqas mill-183 metru stabbilit bil-liġi.

Allura dan ifisser li ma tistax issir il-kamra tan-nar, hux hekk? Mhux eżatt.

Anke jekk id-dar ta’ Abela hija inqas mill-183 metru ’l bogħod mill-abitat, fil-liġi l-abitat tfisser “kull post fejn hemm grupp ta’ djar li huma abitabbli, jew kapaċi jkunu abitabbli, b’aktar minn 100 persuna.”

Triq, x’inhi? Main road? Passaġġ?...

Il-qofol ta’ kollox allura dar mal-interpretazzjoni ta’ ‘triq’.

Fil-fatt dawk li ressqu l-każ filwaqt li qed jaqblu li ma hemmx ‘post abitat’ hekk kif imniżżel, legalment, “dan waħdu mhux biżżejjed biex seta’ jingħata l-permess  għax huwa meħtieġ mhux biss li l-fabbrika tkun imbiegħda minn ‘post abitat’ iżda trid tkun ukoll imbiegħda minn ‘triq li tkun użata regolarment biex jgħaddu minnha vetturi bil-mutur.”

Meta kien qed jixhed il-Kurunell Albert Camilleri, mill-Explosives Committee, fis-seduta tat-2 ta’ Mejju 2006, dan sostna li l-kumitat ħares lejn il-kunsiderazzjonijiet kollha u qal li “l-liġi tippermetti li jingħata permess anke jekk ikun hemm trejqa li tkun aktar viċina mid-distanzi li semmejt u dan f’każijiet partikolari, ċioè meta jirriżultalu lill-Kummissarju tal-Pulizja illi t-trejqa ma tkunx daqtsant frekwentata minn vetturi...” L-Assitent Kummissarju xehed ukoll li meta ngħata l-permess għal din il-kamra tan-nar, “ikkunsidrajna t-triq jew trejqa li hemm viċin il-kamra tan-nar in kwistjoni u aħna kkunsidrajna li din ma kinitx triq, però kienet passaġġ mhux iffrekwentata ħafna.”

Il-Qorti iżda innutat li l-liġi tqis li ‘passaġġ pubbliku’ wkoll huma ‘triq’ u trid illi triq tkun tista’ tintuża regolarment u mhux bilfors tkun ‘frekwentata ħafna.’

Dawk li ressqu l-każ il-Qorti qalu illi din it-triq hija waħda li minnha jgħaddu bdiewa, hekk kif hi ‘service road’ li tgħaddihom għall-għelieqi.

Il-Qorti tal-Appell iddeċidiet kontra l-Każin ta’ Santa Marija tal-Mosta u allura din il-kamra tan-nar issa se jkollha tingħalaq.

Id-diskussjoni fost il-mijiet ta’ dilettanti allura hija x’se jiġri mil-lum ’il quddiem. Jekk dan il-każ se jittieħed bħala preċedent, allura jeżisti l-periklu li kważi kull kamra tan-nar tingħalaq meta wieħed jikkunsidra li dawn huma kollha mibnijin fid-diżabitat u allura qrib toroq fil-forma ta’ passaġġi li minnhom jgħaddu bdiewa u persuni li jaħdmu l-art.

Fid-dawl ta’ din il-possibilità li kapaċi toħloq protesti u rabja kbira fost eluf, l-Gvern diġà qal li se jagħmel emendi fil-liġi. Dawn probabilment se jkunu qed jiċċaraw it-tifsira tal-kelma ‘triq’ għal waħda li tintuża bi frekwenza u allura tirreferi għal toroq residenzjali jew main roads li minnhom jgħaddu l-karozzi.

Iżda allura, jekk jiġri dan il-kamra tan-Nar tal-Mosta, x’jiġrilha? Ikollha xorta tagħlaq, ladarba nqata’ appell kontriha? Sorsi legali li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew illi probabilment, minkejja li d-deċiżjoni kienet ta’ appell u allura finali, hemm ċans illi jekk il-Gvern jilleġisla (fis-sens li jiċċara t-tifsira ta’ triq) il-Kamra tan-Nar tal-Mosta tirregolarizza ruħha u għalhekk tibqa’ topera.

U dawk li fetħu l-każ? Dawk li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu illi dawn ma setgħux ibassru minn qabel illi malli joħroġ l-appell, il-Gvern se jindika bdil fil-liġi. Imma jekk il-Gvern fil-fatt ibiddel il-liġi, xi ħadd li kull Gvern għandu kull dritt li jagħmel, dawk li fetħu l-kawża ftit li xejn ikun għad fadallhom toroq legali possibbli...

 

 

 

More in Politika