5,000+ persuna ta’ ’l fuq minn 50 sena f’Malta biex jistudjaw l-Ingliż

It-tgħalim tal-Ingliż f’Malta hu għaż-żgħażagħ biss? Fl-2017 kienu 5,741 persuna ta’ ’l fuq minn ħamsin sena li ġew Malta biex jistudjaw l-Ingliż

Tagħlim tal-Ingliż f'Malta, mhux żgħażagħ biss
Tagħlim tal-Ingliż f'Malta, mhux żgħażagħ biss

Hi fehma popolari li tgħalim tal-Ingliż għall-istudenti barranin f’Malta hu limitat għaż-żgħażagħ għaldaqstant ċifri li ħarġu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, (NSO) juru stampa differenti. L-aħħar rapport tal-NSO juri li s-sena li għaddiet ġew Malta 5,741 persuna ta’ ’l fuq minn 50 sena sabiex jistudjaw l-Ingliż. Minn dawn, 3,698 kienu nisa u 2,043 kienu rġiel. Meta mqabbla mas-sena preċedenti, jiġifieri 2016, is-sena 2017 rreġistrat żieda ta’ 670 student iktar ta’ ’l fuq minn 50 sena jew inkella żieda ta’ 13.2%.

Fuq in-naħa l-oħra, l-ikbar sehem kien tal-istudenti kellhom 15-il sena jew inqas, dawn b’kollox ammontaw 32.2% tat-total studenti kollha.

Skont l-istess ċifri, l-istudenti li ġew Malta biex jitgħallmu l-Ingliż żdiedu b’10,460 jew inkella 13.6%. Tul is-sena 2017 b’kollox ġew Malta 87,190 student. Fl-2016 kienu ġew 76,730 student. Dawn l-istudenti kollha ġew Malta sabiex jitgħallmu l-Ingliż fi skejjel liċenzjati li jgħallmu l-Ingliż bħala lingwa barranija.

Fuq nota differenti, il-maġġoranza tal-istudenti li attendew għall-korsijiet tal-lingwa Ingliża f'Malta ġew mill-Italja 29.4%. Dawn kienu segwiti minn studenti li ġew mill-Ġermanja 11.8% u Franza 10.5%. Għalhekk l-istudenti li ġew minn dawn it-tliet pajjiżi Ewropej ammontaw għal aktar minn nofs dawk l-istudenti kollha li ġew Malta biex jitgħallmu l-Ingliż.

Lulju kien l-iktar xahar li fih ġew studenti hekk kif b’kollox ġew 21,567 student, 2,233 aktar student mis-sena ta’ qabel. Dan ammonta għal 24.7% tat-total annwali ta’ studenti li ġew Malta.

Dan ix-xahar bieżel kien segwit minn Awwissu u Marzu, b’10.8% u 10.0 % tal-wasliet totali rispettivament.

Apparti minn dan il-fatt, l-istudenti kollha li ġew Malta f’Awwissu ffurmaw 8.6% tat-turisti kollha li ġew Malta tul dan ix-xahar li kienu 251,066. Minkejja r-rata għolja ta’ wasliet f’Awwissu, dan ix-xahar flimkien max-xahar ta’ Diċembru kienu l-uniċi xhur li fihom waslu inqas studenti mis-sena ta’ qabel, jiġifieri l-2016.

B’kollox meta mqabbla mat-total tat-turisti li ġew hawn Malta fl-istess sena, il-persentaġġ totali tal-studenti barranin li attendew korsijiet tal-lingwa Ingliża fl-2017 kien ta' 3.8% tal-ammont globali ta’ turisti li ġew Malta. Minn dan is-sehem imbagħad, 3% kienu rġiel u 4.7 % kienu nisa.

Intant mil-lat ta’ għalliema, skont l-istess ċifri, fl-2017 kien hemm 1,225 għalliema fi skejjel tal-ELT. Il-maġġoranza tal-għalliema kienu nisa (71.4%) filwaqt li (37.6%) kienu tal-età bejn 18-24.

More in Politika