Ma jwassal għal imkien u ma nafux kemm qed jiswina

Mhux magħruf kemm se jiswew it-tiswijiet li qed jerġgħu jsiru fuq il-pont li sewa 2.8 miljun

Il-pomt fil-Belt Valletyta, sewa' €2.8 miljun biex sar u aktar biex qed jissewwa
Il-pomt fil-Belt Valletyta, sewa' €2.8 miljun biex sar u aktar biex qed jissewwa

Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali ma weġibx mistoqsijiet tal-ILLUM dwar kemm se jkunu qed jiswew it-tiswijiet li għaddejjin bħalissa fuq il-pont tal-breakwater tal-Port il-Kbir. Minkejja li sewa €2.8 miljun u kellu jservi għal 120 sena, il-qawwa tal-mewġ qed tħabbat mhux ħażin lill-pont ta’ 109 tunellati tant li f’seba’ snin kellu bżonn numru ta’ tiswijiet u kellu jingħalaq għall-pubbliku diversi drabi.

Lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet, il-pont tal-breakwater kien infetaħ mill-ġdid għall-pubbliku wara ħsara li kienet ikkawżata minn maltempata f’Ottubru tal-2016. Iżda, ftit tal-ġimgħat wara, f’Jannar tas-sena li għaddiet, feġġet toqba oħra fil-pont ikkawżata mill-maltemp u l-pont kellu jerġa’ jingħalaq kif għadu sal-ġurnata tal-lum.

Għalkemm qalet li r-restawr se jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin, kelliema għall-Ministeru ma tatx indikazzjonijiet meta l-pont se jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku.Qalet biss li jinfetaħ wara li Transport Malta tiżgura li huwa sigur għan-nies u li minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp, ix-xitwa mhijiex iż-żmien ideali biex tagħmel xogħol ta’ manutenzjoni u xogħol bħal welding u żebgħa.

Sa issa, uffiċjali wettqu spezzjoni biex il-ħaddiema bdew isewwu u jbiddlu l-injam imkisser u aċċessorji biex il-gverta tinżamm f’postha. Reġa’ sar ukoll xi xogħol fuq iż-żebgħa u xogħol ieħor fuq il-bieba. Bħalissa qed isiru testijiet fuq il-welding biex ikun żgurat li ma hemmx danni moħbija. Skont il-Ministeru, jekk ma hemmx ħsara oħra, il-gverta tkun tista’ titwaħħal fi żmien qasir.

Mistoqsija kemm se jiġu jiswew dawn it-tiswijiet, il-Kelliema tal-Ministeru qalet biss li “l-ispejjeż ta’ manutenzjoni huma koperti bil-kuntratt bejn l-Awtorità u l-kuntrattur.” Ma weġbitx lanqas kemm ġew jiswew ix-xogħlijiet li saru matul is-sena li għaddiet, qabel ma feġġet ħsarta ġdida. Fost dawn kienet installata sistema ġdida ta’ dawk.

Il-pont tal-breakwater huwa twil madwar 70 metru  u kien reġa’ nħadem wara li dak oriġinali ġġarraf bil-bordamenti fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija.

More in Politika