Editorjal | 'Future Proof'

Il-gazzetta ILLUM mhix kontra l-iżvilupp..li qed ngħidu huwa li hemm bżonn li kollox ikun parti minn pjan...mhux ibni illum, imbagħad għada naraw

Il-karikatura minn Mikiel Galea
Il-karikatura minn Mikiel Galea

Il-futur ħadd ma rah, imma nistgħu nimmaġinaw x’se jkollna fil-futur jekk se nibqgħu ninsistu li ngħixu illum, ngħixu għal-lum u ninsew x’se jiġri mill-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu.

L-istorja li kellna fil-faċċata tal-gazzetta ILLUM turi illi ppjanar mhu qed isir xejn jew ftit li xejn f’dak li għandu x’jaqsam maż-żoni urbani tagħna u l-ambjent fihom.

Tas-Sliema, apparti li hija waħda mill-ikbar lokalitajiet f’Malta, hija wkoll ċentru turistiku importanti ħafna fil-ħolqa tal-industrija turistika u bħal lokalitajiet oħrajn, primarjament San Ġiljan, il-Qawra u Buġibba, huwa importanti li meta jsir l-iżvilupp dan ikun parti minn pjan komprensiv u ħolistiku. U aħna nistaqsu, dan qed isir bħalissa?

Il-fatt illi jirriżulta li f’sena waħda biss, meta nikkunsidraw l-iżvilupp li approvat l-Awtorità tal-Ippjanar, naqqsu 200 parkeġġ f’lokalità fejn il-problema tal-parkeġġ diġà hija waħda akuta għandha tħassibna lkoll u tħassibna sew.

Ir-raġuni li tat l-Awtorità tal-Ippjanar mal-Ombudsman, daqslikieku dan in-nuqqas ta’ ppjanar huwa fil-fatt ippjanar biex in-nies jużaw it-trasport pubbliku, hija redikola. Hemm modi ħafna iktar effiċċjenti ta’ kif nistgħu nattiraw aktar persuni lejn it-trasport pubbliku. Uħud qed isiru bħal app biex tkun taf xħin ġejja tallinja u b’hekk ma jkollokx għalfejn toqgħod tistenna fuq stejġ u oħrajn li nisperaw illi l-Malta Public Transport taħdem ħafna iktar fuqhom, primarjament il-puntwalità ta’ rotot diretti (bi tliet numri).

Qed nagħmlu bħal dak in-nemlu l-għażżien fl-istorja tat-tfal miktuba minn Charles Casha fl-1982, li fis-sajf qagħad igawdi u jilgħaq ix-xemx u malli waslet ix-xitwa u l-kesħa spiċċa bla ikel

Li tħalli tinħoloq geġwiġija sħiħa minħabba nuqqas serju ta’ ppjanar, mhux il-mod illi permezz tiegħu tħeġġeġ lin-nies jibdew jużaw it-trasport pubbliku.

Għalhekk huwa importanti li l-Awtorità tal-Ippjanar flimkien mal-awtoritajiet lokali u l-Gvern ipoġġu naqra bilqiegħda u qabel ma nkomplu bl-iżvilupp bla rażan li għaddej bħalissa kull fejn tmur, naraw naqra dan l-iżvilupp kemm se jżid fil-popolazzjoni tal-lokalità u allura kemm se tiżdied il-pressjoni fuq l-infrastruttura; fuq it-toroq, fuq is-servizzi tad-drenaġġ, fuq is-servizzi tal-ilma, dawl u ħafna iktar. Għax donnu l-unika diskussjoni dwar l-iżvilupp qawwi ħafna li għaddej f’żoni bħal Tas-Sliema u l-Qawra bħalissa tiċċentra biss ma’ dak li huwa estetiku, jiġifieri kemm dak il-bini se jidher sabiħ jew ikrah fiż-żona.

Din il-gazzetta mhix kontra l-iżvilupp. U lanqas hija kontra bini għoli, sakemm dan isir fiż-żoni speċifiċi u fejn jippermetti l-Pjan Lokali. Li qed ngħidu huwa li hemm bżonn li kollox ikun parti minn pjan li jitratta, l-impatt ta’ bosta blokok t’appartamenti fuq il-komunità, is-servizzi u anke t-traffiku.

U dan ma bdejniex ngħiduh illum. F’Marzu tas-sena l-oħra konna ppubblikajna storja fejn żvelajna kif fiż-żona ta’ Buġibba/Qawra fl-2016 saru xejn inqas minn 92 applikazzjoni għal bini residenzjali ġdid jew inkella għal estensjoni fuq żvilupp diġà eżistenti. Dawn l-applikazzjonijiet ammontaw għal 1,085 residenza li jfisser illi b’medja ta’ tliet persuni f’kull residenza mill-applikazzjonijiet tal-2016 u dejjem jekk approvati kollha, qed inħarsu lejn żieda ta’ 3,200 persuna li temporanjament jew permanentament jgħixu f’din iż-żona. Qisek qbadt l-Imqabba kollu u żidtu ma’ Buġibba/Qawra f’sena waħda biss.

U x’ippjanar sar? Qed naħsbu għat-tagħbija kbira li se tkompli tiżdied fuq komunità li diġà tgħodd mal-21,000 resident? Ħsibna għall-parkeġġi ġodda biex   ma tkomplix tiggrava s-sitwazzjoni diġà kritika ħafna ta’ parkeġġ u traffiku f’din iż-żona turistika? Qed nippjanaw aktar spazji miftuħa biex naċċertaw li mal-iżvilupp qawwi li għaddej niżviluppaw aktar spazji miftuħa għall-familji u għat-tfal? Qed jerġgħu jsiru t-toroq kollha biex naċċertaw li jifilħu għat-traffiku akbar li se jkollhom jiffaċċjaw?

Wisq nibżgħu li r-risposta hija le, għal kull waħda minn dawn. Wisq nibżgħu li għax, għal grazzja t’Alla hawn ħafna flus li qed iduru u jdawru l-ekonomija qed nagħmlu bħal dak in-nemlu l-għażżien fl-istorja tat-tfal miktuba minn Charles Casha fl-1982, li fis-sajf qagħad igawdi u jilgħaq ix-xemx u malli waslet ix-xitwa u l-kesħa spiċċa bla ikel.

Il-każ li ħareġ mill-pubblikazzjoni tal-Ombudsman din il-ġimgħa u li juri illi f’Tas-Sliema bl-iżvilupp li sar naqsu 200 spazju ta’ parkeġġ, juri li minflok nippjanaw biex inkunu ‘future-proof’ qed inħaddnu l-mentalità ta’ ‘ibni llum imbagħad għada naraw.’

B’mod speċjali jekk inti omm jew missier, taf sew li dan ma jissejjaħx għaqal.

 

More in Politika