Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

'Kap li ma jħallasx taxxa mhux kredibbli meta jitkellem fuq il-pensjonijet' - PL

Il-Partit Laburista fakkar li l-pensjonijiet jingħataw bis-saħħa tal-poplu li jħallas it-taxxa

Yendrick Cioffi / 13 ta' Marzu 2018 15:13
Il-Partit Laburista saħaq li l-pensjonijiet jingħataw bis-saħħa ta’ poplu li jħallas it-taxxa u għalhekk kap li ma jħallasx it-taxxa ftit jista’ jkun kredibbli meta jitkellem dwar pensjonijiet b’saħħithom.

Fi stqarrija, il-Partit Laburista kkwota lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia meta ftit tas-snin ilu kien kiteb li  “unless our leaders are not willing to lead by example they should not lead at all.” 

Il-Partit Laburista qal dan fid-dawl tad-diskussjonijiet dwar il-pensjoni tal-Membri Parlamentari wara li lbieraħ, il-Kap tal-Oppożizzjoni talab lill-Gvern biex jissospendi minnufih il-liġi dwar il-pensjonijiet ta' dawk id-deputati li jkunu servew fil-Parlament darba biss. 

Dan minkejja, li ftit jiem qabel, l-Oppożizzjoni kienet qablet mal-emendi li ressaq fil-Parlament il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona.

Il-Gvern, ilbieraħ stess ħabbar li se jissospendi tali diskussjoni, bil-PD mill-ewwel jgħid li għamel rebħa fuq iż-żewġ partiti, wara li d-deputati tal-PD Marlene u Godfrey Farrugia mill-ewwel ħarġu kontra din il-proposta minkejja li fi kliemhom tħallew barra mid-diskussjoni. Aktar qabel bdew ukoll petizzjoni dwar dan fuq is-sistema onlajn tal-Parlament.

Fl-istqarrija, il-Partit Laburista baqa’ jinsisti li għal min irid pensjonijiet sostenibbli u b’saħħithom hemm biss il-Partit Laburista. 

Saħaq li kien l-ewwel Gvern li żied il-pensjonijiet f’25 sena minflok żied l-età tal-pensjoni kif kien qed ikun propost lill-Gvern mill-Kummissjoni Ewropea meta kien elett fl-2013.

“Huwa biss Gvern Laburista li jista’ jitwemmen meta jgħid li se jkompli jżid il-pensjonijiet. Min iffriżahom għal 25 sena jew ma jħallasx it-taxxa ftit li xejn għandu kredibbiltà,” ittemm tgħid l-istqarrija.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook