VGH | L-isptar 'tagħhom' iżda nixtru 'aħna'

  • €807,000 f'tagħmir mediku se jitħallsu mill-Gvern, meta l-isptar ta' Għawdex huwa tal-privat b'konċessjoni 
  • Mhux ċar għalfejn il-Gvern baqa’ jixtri tagħmir mediku hu
  • Iċċensurati l-klawżoli fil-kuntratt li jitkellmu dwar l-apparat mediku

Fi żmien meta kien diġà tħabbar li l-VGH riedet tbigħ il-konċessjoni tagħha lil Steward Health Care, il-Gvern ippubblika tender biex jixtri apparat għall-Isptar ta’ Għawdex u li jintuża għall-operazzjonijiet, fosthom dawk li jsiru bil-proċedura tal-laparoscopy. Dan meta l-isptarijiet ingħataw b’konċessjoni ta’ 30 sena lill-privat u kien mifhum li se jkun hu li jinvesti u mhux il-Gvern.

Il-fatt li l-Gvern ħareġ tenders biex jixtri tagħmir, din id-darba kollha għall-ispejjeż tal-baġit lokali kien deskritt bħala xi ħaġa “stramba ħafna” minn espert fil-qasam tal-Public-Private Partnerships (PPPs) li tkellem ma’ din il-gazzetta.

Dan it-tender ġie ppubblikat fit-30 ta’ Jannar li għadda, fl-istess ġurnata li fiha l-Assoċjazzjoni Medika Maltija ħabbret li se tordna azzjonijiet industrijali, fis-setturi kollha tas-saħħa, kontra l-bejgħ tal-konċessjoni għat-tmexxija tal-isptarijiet, minn Vitals Global Healthcare għall-kumpanija Amerikana Steward Health Care.

It-tender huwa għall-perjodu ta’ erba’ snin u jista’ jiġġedded għal sitt xhur oħra. Għall-isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li issa suppost jinsab f’idejn Steward, il-Gvern qed jintrabat li jixtri sa massimu ta’ €807,000 f’apparat li jintuża għall-operazzjonijiet u l-proċeduri ta’ laparoscopy/thoracoscopy, jiġifieri operazzjoni inqas invażiva, fejn kirurgu ma jkollux bżonn jiftaħ il-ġisem.

Skont l-informazzjoni ppubblikata fl-istess tender (CT 2278/2017) li evalwat l-ILLUM, dan l-apparat se jkun iffinanzjat kollu kemm hu mill-baġit lokali, jiġifieri ma hemm l-ebda għajnuna minn Fondi Ewropej.

It-tender, li jagħlaq fis-6 ta’ Marzu li ġej, se jkun qed jinbiegħ fi tmien lottijiet u l-fornituri se jkunu qed jitħallsu fuq bażi pay-per-use, jiġifieri l-Gvern se jħallas skont dak li jintuża.

Għalkemm it-titlu tat-tender ma jagħmel l-ebda referenza għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fuq ġewwa jipprovdi informazzjoni dwar kull apparat meħtieġ fl-Isptar Mater Dei (MDH) u “fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex/Vitals Global Healthcare (GGH/VGH),” u kemm ikun hemm bżonn minnu kull sena.

Fost il-ħafna apparat, il-Gvern se jkun qed jixtri 400 disposable laparoscopic clip applier (€10,433), 80 curved end to end anastomosis surgical double stapler 28mm - 29mm (€30,258), 96 shears for ultrasonic vessel sealing devices 23cms (€62,481), 800 disposable laparoscopic grasper (€37,336) u 1,120 trocar 5-11mm ( €37,240).

Dawn u 67 apparat ieħor, il-Gvern qed jintrabat li jixtrihom sal-2022 u jista’ jagħti l-każ li l-istess tender jiġġedded għal 6 xhur oħra. Dan ifisser li bħall-VGH il-kumpanija Amerikana Steward Health Care, ukoll se tkun qed issib apparat ġdid mixtri mill-Gvern permezz ta’ tender għall-istess sptar li suppost se tinvesti fih il-kumpanija.

Kienet din il-gazzetta li l-Ħadd li għadda rrappurtat kif ħafna mit-tagħmir fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li skont rapporti nbiegħ b’ewro, kien għadu kemm inxtara b’investimenti li saru bejn l-2012 u l-2014 bl-għajnuna ta’ Fondi Ewropej. Mill-kalkoli ta’ din il-gazzetta, dan it-tagħmir sewa €3.6 miljun.

“Xi ħaġa stamba ħafna…”

Espert fil-qasam tal-Public-Private Partnerships (PPPs) u li tkellem mal-ILLUM iddeskriva l-fatt li l-Gvern qed jixtri apparat għall-Isptar ta’ Għawdex meta dan ingħata b’konċessjoni lill-privat, bħala xi ħaġa “stramba ħafna.”

Kompla jgħid li ma jagħmilx sens u jmur kontra l-loġika tal-PPPs li jkollok konċessjonarju iżda l-investiment jibqa’ jagħmlu l-Gvern.

“F’ħafna mill-PPPs li saru, huwa l-konċessjonarju li għandu jagħmel dan l-investiment u mhux il-Gvern għalih, inkella missu ma daħħal lil privat xejn u għamel l-investiment kollu hu” saħaq l-espert.

Iċċensurati l-KPI dwar it-tagħmir mediku

F’Lulju tas-sena li għaddiet, it-Times of Malta kienet irrappurtat li skont klawsoli li ġew iċċensurati mill-kuntratt li l-Gvern iffirma mal-Vitals Global Healthcare fit-30 ta’ Novembru tal-2015, il-Gvern intrabat li jħallas “l-ispejjeż addizzjonali” marbuta mal-prodotti farmaċewtiċi u mediċinali fit-tliet sptarijiet tal-PPP.

Dan ifisser, li l-ispejjeż marbuta ma’ dawn il-prodotti jmorru lil hinn mis-€70 miljun li l-Gvern intrabat li jħallas kull sena lill-VGH għat-tmexxija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Isptar San Luqa u Karin Grech.

Minkejja dan mhux magħruf jekk il-Gvern kienx laħaq xi ftehim ma’ Vitals Global Healthcare dwar ix-xiri tat-tagħmir mediku.  Dan hekk kif il-Key Perfomance Indicators (KPI), dwar it-tagħmir mediku, fil-kuntratt “Services Concession for the Provision of Healthcare and Ancillary Services…” huma ċċensurati. Il-KPI jistipulaw il-miri u l-għanijiet li l-konċessjonarju jintrabat li jwettaq fi żmien stipulat.

Minkejja dan, partijiet mill-kuntratt, jagħmlu referenza għat-tagħmir mediku u kollox jindika li għandu jkun il-konċessjonaru li jagħmel l-investiment, kemm f’teknoloġija ġdida u anke meta jkun wasal iż-żmien li jinbidel xi tagħmir.

Ġaladarba Vitals Global Healthcare sfaxxaw fix-xejn meta kienu għadhom se jibdew isibu sieqhom fit-tmexxija tat-tliet sptarijiet, għadu mhux ċar jekk Steward hux qed tintrabat kelma b’kelma mal-kuntratt oriġinali ffirmat f’Novembru tal-2015.

Fl-aħħar ġimgħat qamu diversi mistoqsijiet dwar l-investiment li għamlu l-Vitals, bl-Assoċjazzjoni Medika Maltija tisħaq li kulma għamlu kienet ħofra kbira f’Għawdex u kisja ma’ faċċata tal-Isptar San Luqa.

Fil-ġimgħat li għaddew, il-gazzetta ILLUM segwiet aktar l-istorja wara l-kuntratt bejn il-Gvern u Vitals Global Healthcare li sar fl-2015. Fosthom, irrappurtajna kif l-iskola ta’ Barts ma kienet kuntenta xejn bid-dewmien fix-xogħol, kif it-tim tal-IT u tal-kostruzzjoni waqfu jaħdmu fuq il-proġett minħabba nuqqas ta’ ħlas kif ukoll li l-VGH, permezz tal-kumpanija Indjana Shapoorji Pallonji, għad trid tħallas “eluf kbar” lil Gatt Brothers.

Lura fl-2015, kienet din il-gazzetta wkoll li żvelat kif wieħed mid-diretturi tal-VGH, Ram Tumuluri, kellu track-record xi ftit jew wisq dubjuż. Fosthom kif il-Qorti Suprema tal-British Columbia kienet iddeċidiet kontra l-kumpanija T & V Hospitality Inc. li tagħha kien direttur u akkużatha li “poġġiet lis-sidien (NLL Holdings) f’periklu sever… ħassret ir-rekords finanzjarji u ħadet depożiti mill-karti tal-kreditu ta’ bookings għall-Milied.”

U erġajna bqajna bla risposta…

Sal-ħin tal-pubblikazzjoni, il-Ministeru għas-Saħħa baqa’ ma weġibx mistoqsijiet mibgħuta mill-ILLUM dwar uffiċċju li twaqqaf f’Awwissu tas-sena li għaddiet, immexxi min-Nutar Charles Mangion, biex jassigura li l-Vitals Global Healthcare iżommu mal-miri u l-obbligazzjonijiet tagħhom.

Dan apparti tmien mistoqsijiet oħra li għalihom, din il-gazzetta, ilha ġimgħat tistenna tweġiba.

Kien is-sit Illum.com.mt li nhar it-Tlieta żvela kif il-Ministru Chris Fearne kien waqqaf dan l-uffiċċju fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u ħatar bħala ċermen tiegħu lill-eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u ċ-Chairman tal-Air Malta, Charles Mangion.

Il-Ministeru għadu ma weġibx dwar jekk dan l-uffiċċju ġibidx l-attenzjoni tal-Ministru Fearne dwar nuqqasijiet min-naħa tal-VGH u jekk ittiħdux passi.

Lanqas ma wieġeb għalfejn il-Kumitat twaqqaf is-sena li għaddiet u mhux qabel.

F’kummenti mal-istess sit, Charles Mangion wieġeb biss li dan il-kumitat iwieġeb direttament lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Skont il-Ministeru, dan l-uffiċċju twaqqaf biex jikkumplimenta x-xogħol ta’ kumitati oħra li twaqqfu skont provediment fil-kumitat orġinali bejn il-Gvern u l-VGH.

Il-Ministeru saħaq li issa li Steward iffinalizzat il-ftehim mal-VGH, dan l-uffiċċju xorta waħda se jkompli bis-sorveljanza tiegħu.

More in Politika