VGH | ‘L-uffiċċju li mmexxi jwieġeb direttament lil Chris Fearne’ - Charles Mangion

Fearne waqqaf l-uffiċċju li jmexxi Mangion xhur qabel sar magħruf li l-VGH se tbigħ il-konċessjoni tal-isptarijiet

In-Nutar Charles Mangion sostna ma’ dan is-sit li l-uffiċċju mmexxi minnu fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa, iwieġeb direttament lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Kien dan is-sit li żvela li s-sena li għaddiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqqaf dan l-uffiċċju fi ħdan il-Ministeru u ħatar lil Charles Mangion bħala ċermen. L-għan tal-uffiċċju huwa li jassigura li l-Vitals Global Healthcare u issa Steward, iżommu mal-obbligazzjonijiet u l-miri tagħhom

L-Illum.com.mt staqsa lil Mangion dwar ix-xogħol li twettaq minn dan il-Kumitat u jekk ressaqx konklużjonijiet dwar nuqqasijiet min-naħa tal-VGH quddiem il-Ministru Fearne.

Mangion wieġeb biss li l-Kumitat huwa kontabbli direttament lill-Ministru għas-Saħħa.

Madankollu, il-Ministeru għas-Saħħa baqa’ ma weġibx mistoqsijiet mibgħuta minn dan is-sit dwar jekk dan il-Kumitat ġibidx l-attenzjoni dwar nuqqasijiet mill-VGH u jekk ittiħdux passi.

Il-Ministru lanqas ma wieġeb għalfejn dan il-Kumitat twaqqaf is-sena li għaddiet u mhux qabel.

Ta’ min wieħed jinnota li dan l-uffiċċju twaqqaf f’Awwissu tal-2017. Dan ifisser li l-Kumitat beda jaħdem ftit xhur biss qabel sar magħruf li l-VGH se tbigħ il-konċessjoni lill-kumpania Amerikana Steward, għat-tmexxija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Isptarijiet San Luqa u Karin Grech.

Ma’ dan is-sit, Mangion qal ukoll li kien talab lill-Ministeru biex fil-Kumitat ikun hemm rappreżentant ta’ Projects Malta, ġaladarba din l-Aġenzija tal-Gvern hija rrapreżentata fil-kumitati l-oħra li twaqqfu, skont provediment fil-kuntratt orġinali bejn il-Gvern u l-VGH, biex isegwu l-progress u l-kwalità tax-xogħol fuq l-isptarijiet.

Projects Malta, li tikkoordina u tiffaċilità l-Public Private Partnerships, bejn il-Ministeri u s-Settur Privat, taqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u kienet involuta mill-bidu nett fil-ftehim tal-Gvern mal-Vitals Global Healthcare.

Fil-fatt, membru f’dan il-Kumitat, apparti l-lista li l-Ministeru pprovda lil dan is-sit, hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Projects Malta, l-Inġinier James Camenzuli.

Aqra hawn pass pass l-istorja tal-VGH f’Malta mill-iffirmar sat-tħabbira tal-bejgħ.

More in Politika