Qatalhom l-għatx bil-perżut hekk kif indika li se jibqa' Mexxej tal-Partit Laburista

Muscat jaqta' saqajn diċeriji u diskussjoni ta' tibdil fit-tmexxija ġimgħa wara li indika illi mhux se jerġa jikkontesta elezzjoni...

Joseph Muscat qata' saqajn diskussjoni u anki diċeriji qawwijin fil-midja imma wkoll fil-Partit Laburista hekk kif dalgħodu indika li hu se jibqa' l-Mexxej tal-Partit Laburista sal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, kif kien mistenni, imma anke oltrè minn hekk. Meta kien qed jitkellem f'Ħal Qormi Muscat qal illi mis-Sibt li għadda meta għamilha ċara li mhux se jikkontesta elezzjoni oħra rċieva ħafna messaġġi ta' appoġġ u inkoraġġiment biex jibqa' jmexxi l-PL.

Għalkemm ma indikax li se jmur lura minn kelmtu u jikkontesta l-elezzjoni, Muscat qal li hu mhux se jieqaf nofs triq. 

Fil-Partit Laburista il-moviment biex Muscat jibqa' jmexxi huwa kbir ħafna u Muscat jibqa' figura dominanti ħafna fl-istess partit, probabilment dominanti daqs kemm kien l-eks PM u Mexxej Laburista Dom Mintoff. 

Muscat kien elett Mexxej tal-Partit Laburista fl-2008 meta kien rebaħ f'tiġrija ma' George Abela. 

Minn dakinhar Muscat rebaħ l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, kemm fl-2009 u l-2014, kif ukoll żewġ elezzjonijiet ġenerali. Muscat rebaħ kull waħda b'marġini ta' aktar minn 33,000 vot favur il-PL. 

Min forsi kien qed jingrana għal xi tiġrija għal Mexxej ġdid tal-Partit Laburista, se jkollu jerġa jaħsibha għalissa....għallinqas dak kien il-messaġġ sottili li ntbagħat dalgħodu. 

Fost l-favoriti li qed jissemmew biex jieħdu post Muscat hemm Miriam Dalli, d-Deputat PM u Mexxej tal-PL Chris Fearne, kif ukoll l-Ministru Ian Borg u d-Deputat Robert Abela. 

More in Politika