Refalo kien irrifjuta l-offerta ta’ Muscat għall-Ministeru tal-Biedja u Sajd

Ikkuntattjat mill-ILLUM Anton Refalo la jiċħad u lanqas jikkonferma..jikkunsidra li ma jikkontestax l-elezzjoni ġenerali li jmiss

Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata li f’Ġunju li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat offra lill-eks Ministru għal Għawdex, Anton Refalo, il-Ministeru tal-Biedja u Sajd. Dakinhar Refalo kien minnufih irrifjuta l-offerta ta’ Muscat.

Sorsi ferm qrib il-Partit Laburista żvelaw li għalkemm Refalo kien infurmat minn qabel l-eżitu tal-aħħar elezzjoni ġenerali li hu ma kienx se jiġi maħtur Ministru għal Għawdex, hu xorta stenna li jinħatar f’kariga differenti. Minkejja dan jidher li l-Ministeru li offrielu l-Prim Ministru ma kienx dak li stenna Refalo. Il-pożizzjoni mbagħad ingħatat liż-żagħżugħ Għawdxi u kompetitur dirett ta’ Refalo, Clint Camilleri.

Id-deċiżjoni ta’ Muscat li jħalli barra lill-veteran Labursita mill-kabinett tiegħu filwaqt li jaħtar lil Justyne Caruana bħala Ministru ta’ Għawdex urtat mhux ftit lil diversi sostenituri ta’ Refalo, ħafna minnhom partitarji Laburisti u oħrajn li għażlu jivvutawlu u jkomplu fuq kandidati Nazzjonalisti.

Justyne Caruana b’3,189 vot kisbet, 1,664 anqas vot tal-ewwel preferenza minn Refalo li kiseb 4,853 vot. Camilleri kiseb 2,466 vot.

Id-deċiżjoni ta’ Muscat li jneħħi lil Refalo minn Ministru ta’ Għawdex, tant kienet urtat nies li ftit jiem wara tnediet ukoll petizzjoni onlajn indirizzatta lejn Kastilja bl-għan li l-Prim Ministru jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu. Din il-petizzjoni s’issa kienet iffirmata minn 250 persuna biss.

Ikkuntatjat mill-gazzetta ILLUM, il-backbencher Laburista, ma ċaħadx la li l-Prim Ministru offrielu dan id-dekasteru u lanqas li hu rrifjutah

“La niċħad u lanqas nikkonferma, ma nixtieqx nagħti kummenti. L-affarijiet li ngħidu jien u l-Prim Ministru jibqgħu bejnietna, dawn mhumiex affarijiet ta’ fuq il-gazzetti,” saħaq Refalo.

Twelidt hawn, irrid ngħix hawn, nara lil uliedi jiżżewġu hawn u fl-aħħar irrid imut hawn Anton Refalo mal-ILLUM, 13 ta’ Novembru 2016.

Dak iż-żmien, Muscat kien indika li Refalo ried biss ikun fil-kabinett bħala Ministru ta’ Għawdex. Apparti minn dan xaharejn biss qabel l-elezzjoni bikrija tal-2017, din il-gazzetta kienet żvelat li r-relazzjoni bejn Refalo u Muscat kienet iggravat ferm. Dakinhar nies li tkellmu mal-ILLUM kienu żvelaw ukoll li l-Ministeru ta’ Għawdex kien sar qisu l-ETC.

L-istess sorsi żvelaw ukoll li jekk Muscat jibqa’ ma joffri l-ebda portafoll li Refalo jqis bħala attraenti, dan se jkun qed jikkunsidra bis-serjetà li ma jikkontestax l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Meta mistoqsi minn din il-gazzetta jekk għandux fil-pjanijiet tiegħu li jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss, Refalo qal “meta tasal l-elezzjoni li jmiss nara, s’issa għadni hemm nivvota u nagħmel parti mill-Partit Laburista.”

Intant din il-gazzetta staqsiet ukoll lill-eks Ministru jekk hux se jkun qed jikkontesta l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew hekk kif kien irraportat f’ġurnali oħrajn. Fuq din Refalo kien pront sabiex jassigurana li ma kienx se jikkontesta għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li se jsiru s-sena d-dieħla.

Lura fl-2016, meta mistoqsi minn din il-gazzetta jekk iħossux offiż, kieku Muscat ma jerġax jafda f’idu l-Ministeru ta’ Għawdex f’leġiżlatura oħra, Refalo kien sostna hekk; “nieħu għalija kieku l-proġetti li bdejna jitwaqqfu. Proġetti ta’ fejda bħal dak tal-Pjazza ta’ Franġisk li għaddej bħalissa. Jiena lil Għawdex inħobbu u se nibqa’ naħdem kemm nista’ biex nagħmlu aħjar. Twelidt hawn, irrid ngħix hawn, nara lil uliedi jiżżewġu hawn u fl-aħħar irrid imut hawn.”

More in Politika