Intervista | ‘L-akbar siwi għal Marlene Farrugia huwa fil-Parlament Malti mhux f’dak Ewropew’

Il-pagi, l-kuntratt mal-VGH, bini għoli, il-faqar, il-kannabis, l-AD u Marlene Farrugia.....iwieġeb il-Kap tal-Partit Demokratiku Anthony Buttigieg

Il-Partit Demokratiku m’ilux wisq jeżisti, imma minkejja kollox u permezz ta’ koalizzjoni li fforma mal-Partit Nazzjonalista rnexxielu jikteb l-istorja hekk kif kien l-ewwel partit lil hinn mill-PN u l-PL li fir-realtà eleġġa mhux Deputat, imma tnejn. Teknikament u skont deċiżjoni tal-Qorti fil-fatt ma tella’ xejn għax is-siġġijiet tal-PD jaqgħu taħt il-kappa tal-Oppożizzjoni li, mill-ġdid legalment, hija magħmula mill-Partit Nazzjonalista.

Lil hinn mil-legaliżmi imma huwa fatt li l-eks Kap tal-PD Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia rnexxielhom iressqu l-ideat tagħhom qrib biżżejjed ta’ dawk tal-PN, bil-konsegwenza li ngħataw ħafna spazju u anke ħin fuq il-midja u l-podju tal-mass meetings. Strateġikament, din kienet ġenjali. Ġara dak li l-PD kien se jsib diffiċli li jottjeni waħdu.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia kien “għamilha ċara waqt l-elezzjoni għal Kap ġdid tal-PN li ma riedx il-koalizzjoni. Kien ċar allura li mhux se nimxu ’l quddiem’ ‘Il-ftit li sar s’issa, bi flus il-poplu. Bil-€190,000 kuljum li qed tingħata din il-kumpanija minn flus il-poplu. Il-VGH ma nvestiet xejn

Illum iżda, taħt it-tmexxija ta’ Anthony Buttigieg u f’arja tqila ta’ diżillużjoni fiż-żewġ partiti, il-PD numerikament ma tantx jidher li qed jagħmel suċċess. Fl-aħħar sondaġġ ippubblikat fuq il-gazetta Maltatoday, il-Partit Demokratiku ma jissemma minn ħadd bħala partit li persuna tivvotalu kieku ssir elezzjoni llum. Allura dan mhux falliment għall-PD?

“Kont sorpiż meta ħareġ dan l-istħarriġ, għax qed ikun hemm ammont konsiderevoli ta’ nies li qed jagħmlu kuntatt magħna. Ma tgħaddix ġurnata li ma jċemplulix bejn erba’ u ħamsa minn nies li juru interess li jsiru jafu aktar dwar jew jissieħbu mal-PD.”

Imma min huma dawn in-nies li qed jersqu lejn Buttigieg? “Dawn huma nies li qed jaraw illi ż-żewġ partiti saru qishom l-istess. Ftit li xejn għad fadal x’jiddistingwihom. Hawn din is-sensazzjoni fost parti dejjem tikber tal-popolazzjoni li ż-żewġ partiti m’għadhomx il-vuċi tal-ħaddiem li jqum u jmur għal ġurnata xogħol kuljum, imma l-vuċi ta’ kumpaniji kbar miljunarji,” jgħid Buttigieg.

‘Il-PN ta’ tmien xhur ilu, differenti minn dak tal-lum...’

Imma jekk, skont Anthony Buttigieg, iż-żewġ partiti huma l-istess, mela għalfejn għamlu koalizzjoni ma’ wieħed minnhom?

Buttigieg jibda bil-premessa illi “l-PN ta’ tmien xhur ilu huwa differenti mill-PN tal-lum.”

“Jien kont nħares lejn Simon Busuttil bħala persuna onesta u li jaf fejn irid imur, forsi għax kellu wkoll l-esperjenza fl-Unjoni Ewropea. Jiena ma dħaltx fil-politika biex inkisser lill-Partit Laburista jew inkella lill-Partit Nazzjonalista. Dħalt biex inrażżnu naqra l-poter ta’ dawk li qed jinfluwenzaw lill-partiti minn barra. Illum għandek nies u korporazzjonijiet kbar li jagħtu donazzjonijiet kbar liż-żewġ partiti biex jitla’ min jitla’, huma garantiti li se jgawdu.”

Għalhekk huwa jinsisti li t-twemmin tiegħu jibqa’ dejjem li ebda partit m’għandu jiggverna waħdu.

Imma nerġa’ nistaqsih xi jrid jgħid biha eżatt meta jgħid li  huwa differenti l-PN illum..

Buttigieg jgħid illi filwaqt li hija normali li koalizzjoni pre-elettorali tisfuma mal-elezzjoni jekk il-koalizzjoni ma tirbaħx,  il-Kap tal-PN Adrian Delia kien “għamilha ċara waqt l-elezzjoni għal Kap ġdid tal-PN li ma riedx il-koalizzjoni. Kien ċar allura li mhux se nimxu ’l quddiem u allura kont iddikjarajt (mal-gazzetta The Times) li għalija l-koalizzjoni kienet xolta.”

Imma lil hinn mill-aspett elettorali tax-xoljiment. L-eks Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia kienet qalet diversi drabi li Delia mhux idoneu, jekk xejn għax m’għandux awtorità morali jitkellem dwar il-governanza tajba. Buttigieg jaqbel?

“Hemm ċertu kwistjonijiet fil-passat ta’ Delia,” jibda jispjega l-Kap tal-PD, “li jinkwetawni... kellu rabtiet ta’ negozju mal-Ministru Chris Cardona, li kellu kont f’Jersey u minkejja li qal li mhux se jibqa’ direttur ta’ numru kumpaniji, jidher illi fil-fatt għadu jidher bħala Direttur ta’ ċerti kumpaniji.”

Jiġifieri Buttigieg qed jasal għal konklużjoni tal-karattru politiku ta’ Delia fuq l-assunzjoni li dak li kienet allegat Daphne Caruana Galizia, huwa minnu?

“Jiena mhux qed ngħid li dak kollu li nkiteb dwaru huwa minnu. Jiena rrid nara biex nemmen u qabel nikkumenta,” jinsisti Buttigieg li xorta iżda jerġa’ jinsisti li ma jarax l-onestà f’Delia. “Ma jagħtix l-idea ta’ persuna kompletament onestà.”

l-ILLUM tistaqsi lil Buttigieg jekk jaħsibx li Delia bħala Prim Ministru jkunx differenti minn Muscat. Bir-risposta tkun ċara; “Le. Kif għidt fil-bidu ż-żewġ partiti huma l-istess.”

‘Tal-VGH tant hi gravi, li iva xi ħadd irid jirreżenja...’

Infakkru imma, li allura x-xenarju politiku Malti huwa tali li min jaqbel mal-Gvern jivvota lill-PL. Min ma jridx lill-Labour fil-Gvern jista’ jivvota lill-Alternattiva Demokratika, lill-Partit Nazzjonalista jew inkella lill-Partit Demokratiku. Dan ifisser illi l-vot tal-oppożizzjoni jinqasam bejn tlieta, xenarju li jivvantaġġja lill-Partit Laburista.

“Illum, bħalissa, għandek mitt raġun. Imma jiena fl-aħħar ġimgħat, minn mindu ħareġ dan l-iskandlu tal-Vitals Global Healthcare (VGH) qed jersqu lejn il-PD numru ta’ Laburisti wkoll. Minkejja kollox, bdejna naraw l-ewwel xquq fl-edifiċju tal-Partit Laburista.”

Nistaqsih għalfejn huwa biss illum li dawn il-votanti qed jipprotestaw jew juru diżapprovazzjoni kontra ftehim li sar qabel l-elezzjoni.

“Infakkrek illi l-biċċiet moħbija fil-kuntratt bejn il-Gvern u l-VGH issa bdew ħerġin. Ħafna minn dawn il-votanti ħasbu li dak li sar kien għal ġid tal-pajjiż.”

“Issa ħa nagħmluha ċara aħna favur Public Private Partnerships, imma tal-VGH kien magħmul biex dawn jagħmlu xeba’ flus u ma jagħtu xejn lura.”

Imma qed jirreferi għal xi ħadd partikolari Buttigieg? “Ifhem aħna nafu ta’ min hi 70% tal-VGH, it-30% l-oħra ma nafux ta’ min huma.”

Jiena m’jien kontra l-ebda koalizzjoni, ma’ ebda partit, basta jkun partit li jkollu rieda tajba. Ma nara xejn ħażin li nitkellmu mal-AD u naraw kif nistgħu navviċinaw aktar lil xulxin

U jemmen li għandu jkun hemm riżenji wara dan l-iskandlu?

“Iva. Issa jien m’iniex xi wieħed li noqgħod ngħid lil dak u lill-ieħor biex jirreżenja. Imma dan il-kuntratt tant hu gravi, li iva nemmen li għandu jkun hemm riżenji.”

Buttigieg jasal għall-konklużjoni li l-flus li qed jinvestu l-VGH mhumiex il-€200 miljun li suppost kellhom jinvestu, imma flus  tal-poplu. “Il-ftit li sar s’issa, bi flus il-poplu. Bil-€190,000 kuljum li qed tingħata din il-kumpanija minn flus il-poplu. Il-VGH ma nvestiet xejn, għax kellhom jipotekaw l-istess sptarijiet biex jieħdu self ta’ €900,000 tant m’għandhomx flus.

“Ma ninsewx, ta. Dawn il-pagi mhux huma qed joħorġuhom imma l-Gvern. Il-ftit li sar, il-poplu mit-taxxi tiegħu investiehom mhux il-VGH.”

Huwa jgħid li issa l-poplu għandu jistenna l-inkjesta tal-Awditur Ġenerali. “Nagħtu ċans lil min għandu jinvestiga jagħmel dan.”

‘Ma tistax tqabbel lili ma’ Marlene...’

Huma bosta li jħossu li l-personalità ta’ Marlene Farrugia titfa’ dik tiegħu bħala Kap xi ftit jew wisq fid-dell. Iħoss li din il-perċezzjoni hija ġusta u tirrifletti l-verità?

“Jiena u Marlene karattri differenti, veru. Jiena persuna li naħdem iktar fil-kwiet, però nkun qed naħdem u nista’ ngħidlek li xogħol fil-PD bħalissa għaddej ħafna. Qed nikbru bħala partit u ta’ kuljum qed ikollna kuntatt man-nies. Biex inwieġbek, onestament, ma tistax tqabbel lili ma’ Marlene. Karattri differenti.”

U Marlene Farrugia se toħroġ għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew? Buttigieg jgħid li din hija deċiżjoni li għadha ma tteħditx.

Iżid jgħid ukoll iżda li jekk Farrugia toħroġ u jirnexxilha tkun eletta bħala MEP, “aħna nitilfu Deputat minn tal-PD fil-Parlament. Peress li ħriġna mal-PN, is-siġġu tagħna jittieħed mill-PN. Jiġifieri hemm prezz kbir politiku.”

U Buttigieg fejn iħoss li Farrugia hija l-aktar ta’ siwi? Bħala Deputata fil-Parlament Malti? Jew Deputata fil-Parlament Ewropew?

“Onestament? F’Malta.’

Kannabis: Iva bħala mediċina, le għar-rikreazzjoni...

Induru naqra fuq kwistjonijiet differenti, imma pjuttost pressanti. Nibdew bil-legalizzazzjoni tal-kannabis għal skopijiet rikreattivi. Buttigieg jaqbel? “Le, jien ma naqbilx li għandha tkun legali. Naqbel biss li sempliċiment m’għandhiex tkun kriminalizzata, jiġifieri li ma taffetwax il-kondotta jekk kemm-il darba persuna tinqabad bi ftit għall-użu personali.”

Infakkru illi fil-fatt din diġà hija s-sitwazzjoni fil-preżent wara li ddaħħlet il-liġi li ddikriminalizzat il-kannabis u nistaqsih jekk allura hux qed jgħid li l-affarijiet għandhom jibqgħu l-istess. Ir-risposta tiegħu hija ċara, “Iva. Daqs kemm hemm effetti tajbin hemm ukoll effetti ħżiena.”

Imma jaqbel li tabib għandu jkollu l-libertà li ma jippreskrivix mediċina li tkun derivata mill-kannabis? Huwa jwieġeb billi jfakkar illi f’kollox u f’kull tip ta’ mediċina, mhux dik ġejja mill-kannabis biss, it-tabib għandu jedd ma jissuġġerixix mediċina jekk iħoss li l-effetti negattivi jistgħu jkunu ikbar mill-benefiċċji.

“Niċċara biss illi fil-każ tal-kannabis mediċinali din mhux se tkun riċetta kwalunkwe, li taqbad u tixtriha mill-ispiżerija. Tkun mediċina speċjalizzata li tingħata biss f’każi partikolari.”

Huwa jfakkar ukoll illi daqs kemm tabib għandu dritt li ma jippreskrivix din il-mediċina, hekk ukoll il-pazjent għandu kull dritt illi jagħżel it-tabib li jrid.

Tajjeb li wieħed isemmi li d-Deputat li xegħel diskussjoni fil-pajjiż u wieħed mill-proponenti oriġinali tal-legalizzazzjoni tal-kannabis mediċinali huwa l-eks Ministru u llum Deputat tal-PD Godfrey Farrugia.

‘Għandna full employment... kif m’hawnx pressjoni biex jiżdiedu l-pagi?’

Induru fuq il-kwistjoni tal-pagi. Il-Partit Demokratiku se jitkellem u se joffri soluzzjonijiet relatati mal-kwistjoni tal-pagi u kemm dawn qed iservu biex persuna tgħix ħajja diċenti? “Iva, dażgur,” jibda jwieġeb mill-ewwel Buttigieg. “Illum qed nitkellmu mhux biss dwar faqar minħabba nies li qed jaħdmu fil-prekarjat, imma wkoll nies li qed jgħixu fil-faqar minkejja li jaħdmu f’xogħol legali, b’paga ‘normali’.”

Buttigieg jgħid illi b’paga ta’ €1,200 fix-xahar, persuna jkollha toħroġ nofs il-paga fi ħlas biex ikollha saqaf fuq rasha.

“Għandna full employment, suppost hawn pressjoni biex tiżdied il-paga. Imma x’qed jiġri? Ħafna kumpaniji qed iġibu persuni minn barra l-Unjoni Ewropea biex jiġu jaħdmu pajjiżna. Issa ħa nagħmilha ċara mill-ewwel jiena favur ħafna l-immigrazzjoni.”

“Imma din,” ikompli jispjega Buttigieg, “qed tintuża biex il-pagi jinżammu kif inhuma u ma jkunx hemm prospett ta’ żidiet.”

Fi kliem ieħor Buttigieg spjega illi minkejja li qed jitħallsu skont il-liġi, minħabba li dawn ġejjin minn pajjiżi fejn il-pagi huma ġeneralment ħafna inqas ifisser illi talbiet għal żidiet fil-pagi ma jintlaqgħux għaliex hemm iktar faċilità li jinġiebu ħaddiema minn barra l-UE fejn il-pagi huma ġeneralment baxxi.

“Meta tara ċ-ċifri, dawn juru illi l-pagi qed jiżdiedu. Imma vera żdiedu? Jew żdiedu l-ħaddiema u allura l-introjtu jidher li żdied? U l-fatt li l-ispejjeż żdiedu wkoll, qed inpoġġuha fil-kwadru?”

Naturalment dan il-punt waħdu jirrikjedi intervista sħiħa, imma l-ħin huwa dak li hu. Allura din il-gazzetta ddur fuq miżura partikolari li propona l-istess partit mhux wisq żmien ilu.

Tibni ’l fuq... tħallas

Il-PD għamel proposta ta’ taxxa fuq dawk li jibnu bini għoli. Mhux ċar jekk il-proposta hija li min jibni ċert ammont ta’ sulari għandux ikun marbut li jħallas taxxa li tmur għall-akkomodazzjoni soċjali jew inkella ikunx marbut li joffri persentaġġ mill-appartamenti (dejjem jekk fil-fatt ikunu appartamenti) għall-akkomodazzjoni soċjali. Jista’ jispjega aħjar Buttigieg?

“Barra minn Malta jużaw iż-żewġ mudelli. Hemm fejn, permezz ta’ qbil mal-kunsill, tkun maqbula allokazzjoni ta’ appartamenti għall-akkomodazzjoni soċjali. Hemm ukoll l-għażla li min jibni iktar minn ċerti sulari jħallas taxxa li tmur għall-istess għan.”

Il-PD tkellem dwar din il-proposta ma’ organizzazzjonijiet u għaqdiet, fosthom l-iżviluppaturi?

Buttigieg jgħid illi din hija proposta waħda minn bosta li fuqhom qed jaħdem il-PD u li fil-futur se jkun qed iressaq lejn il-poplu Malti.

Ma jeskludix koalizzjoni mal-AD

Finalment, nistaqsi  lil Buttigieg għaliex mhux qed jagħmel dan kollu f’partit li huwa iktar żviluppat u li diġà għandu storja u ammont ta’ nies li jappoġġjawh, jiġifieri l-Alternattiva Demokratika? Li wkoll jirrapreżenta dak kollu li jemmen fih Buttigieg...

Mill-ewwel Buttigieg jgħid li għandu kull rispett lejn l-Alternattiva Demokratika u jgħid ukoll li fil-passat kien hemm elezzjonijiet illi fihom ivvota lill-AD. “Imma jekk se tibda proġett ġdid, trid tibda paġna kompletament ġdida. Sfortunatament, għalkemm mhux verament hekk, l-AD huwa meqjus minn ħafna bħala partit li jitkellem dwar kwistjoni waħda biss.”

“Allura kien jagħmel iktar sens li nibdew mill-ġdid, nifformaw idea ġdida u n-nies jifformaw l-opinjoni dwarha.”

Jeskludi koalizzjoni bejn il-PD u l-AD?

“ma nara xejn kontriha... jiena m’jien kontra l-ebda koalizzjoni, ma’ ebda partit, basta jkunn partit li jkollu rieda tajba. Ma nara xejn ħażin li nitkellmu mal-AD u naraw kif nistgħu navviċinaw aktar lil xulxin. Qabel nagħmlu dan iżda bħalissa għaddejjin kontinwament nitkellmu man-nies, biex il-partit ikollu identità ċara. B’hekk inkunu nafu eżatt biex sejrin quddiem partiti oħrajn u quddiem il-poplu.”a

More in Politika