“Ma nistax ninjora s-sentiment tan-nies” - Is-Sindku tal-Belt dwar il-mafkar ta’ Daphne

Wara l-mozzjoni tal-Kunsillier Laburista dwar il-monument tal-Assedju l-Kbir, Illum.com.mt tkellem mas-Sindku tal-Belt Alexiei Dingli

Is-Sindku tal-Belt Valletta, Alexiei Dingli, qal li jaqbel mal-prinċipju li wassal biex minn Ottubru li għadda, l-monument tal-Assedju l-Kbir inbidel f’mafkar spontanju għal Daphne Caruana Galizia.

Illum.com.mt talab ir-reazzjoni tas-Sindku wara li fil-jiem li għaddew, il-kunsillier Laburista Ray Azzopardi ressaq mozzjoni biex, fi kliemu, l-monument “ikun imnaddaf’ mill-fjuri u x-xemgħat li ta’ kuljum jitpoġġew quddiem il-Qorti.

Alexiei Dingli
Alexiei Dingli

Dingli saħaq li bħala persuna eletta mill-poplu, ma jistax jinjora s-sentiment tan-nies li minn meta nqatlet Caruana Galizia ma qatgħux milli jmorru l-Belt u jpoġġu fjuri, xemgħat u messaġġi quddiem ir-ritratt tagħha.

Fi kliemu, dan huwa monument “min-nies għan-nies li jfakkar fis-sentiment tan-nies.”

Apparti minn hekk, fakkar li l-aspett simbliku ta’ dan “il-mafkar spontanju” huwa importanti wkoll għax fi kliemu jfakkar lill-poplu li “kuljum għandu jiġġieled għal-libertá tal-kelma.”

Dwar dak li se jkun qed isir bil-mozzjoni ta’ Ray Azzopardi, is-Sindku kkwota l-Att dwar il-Kunsilli Lokali, u saħaq li l-monumenti nazzjonali, fosthom tal-Assedju l-Kbir, ma jaqgħux taħt ir-responsabbilitá tal-Kunsilli Lokali tal-Belt Valletta.

Liġi Kunsill Lokali - Skeda 4 - Kapitlu 363
Liġi Kunsill Lokali - Skeda 4 - Kapitlu 363

Mistoqsi wkoll dwar il-kummenti li għadda ċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef, li oppona s-sejħa tan-Network tas-Soċjetá Ċivili biex dan il-monument ikun rikonoxxut ukoll bħala monument għal Caruana Galizia, is-Sindku tal-Belt qal li kulħadd għandu dritt għall-opinjoni tiegħu.

Minkejja dan saħaq li huwa prematur li Jason Micallef jitkellem dwar l-applikazzjoni li mistennija tagħmel is-Soċjetá Ċivili biex jitwaqqaf monument għal Caruana Galizia, għax fi kliemu ħadd ma jaf jekk il-monument hux se jsir fl-istess pjazza u kemm se jkun kbir.

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta se jkun qed jiddiskuti din il-mozzjoni waqt l-ewwel laqgħa skedata li ssir fil-jiem li ġejjin.

More in Politika