Pullicino Orlando jakkuża lil Casa li qed jipprova jiddistabilizza lill-Gvern

Imma Casa jinsisti li ħadd mhu se jbeżżgħu bit-theddid u li se jippublika rapport tal-FIAU li jikkundanna bil-qawwi lil Konrad Mizzi

Jeffrey Pullicino Orlando u David Casa
Jeffrey Pullicino Orlando u David Casa

Jeffrey Pullicino Orlando akkuża lil David Casa illi qed jipprova jiddistabilizza Gvern elett demokratikament u qallu illi qisu ġurnalist ta' xi gazzetta 'tabloid', "jinki lill-udjenza tiegħu għal xhur sħaħ b'allegazzjonijiet li mhumiex sostanzjati." 

Dan wara li l-istess Casa sostna illi hu għandu dokument tal-FIAU li juri biċ-ċar illi għandha tittieħed azzjoni fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi. Casa qal, f'intervista fuq The Sunday Times, nhar il-Ħadd li għadda, illi hu għandu r-rapport sħiħ tal-FIAU li kien mgħoddi lilu u li huwa kundanna ċara għall-Ministru Mizzi. 

Nhar it-2 ta' Diċembru Casa kien ħareġ stqarrija illi fiha allega illi l-FIAU kienet ħbiet rapport konkluż f’Marzu li għadda u li "jgħid li għandhom jittieħdu passi kriminali kontra l-Ministru Konrad Mizzi."

David Casa qal li jinsab fil-pussess ta’ rapport tal-FIAU, li kkonferma l-awtentiċità tiegħu u li jikkonkludi li għandhom jibdew investigazzjonijiet kriminali kontra l-Ministru Konrad Mizzi fuq akkużi ta’ allegat ħasil ta’ flus u l-possibilità ta’ flus ġejjin mill-kriminalità.

“Naf li r-rapport ilu lest minn Marzu li għadda, iżda minkejja li għaddew tmien xhur, r-rapport baqa’ moħbi għand l-FIAU,” kien sostna David Casa.

Intant Pullicino Orlando talab lill-Pulizija tieħu azzjoni hekk kif fakkar illi huwa illegali li jkollok rapporti kunfidenzjali tal-FIAU, u anke li xxeridhom, kif qed jgħud li se jagħmel Casa fil-Parlament Ewropew. 

"L-aġir ta' Casa huwa attentat biex ikun distabilizzat Gvern elett demokratikament," allega Pullicino Orlando li qal illi dan kollu qed ikollu effett negattiv fuq pajjiżna. 

Pullicino Orlando, li llum imexxi l-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija, staqsa għalfejn Casa għadu m'għaddiex id-dokumenti lill-Pulizija ('awtoritajiet kompetenti'), jekk jafx li d-dewmien biex jagħmel dan huwa illegali u jekk jafx li huwa att kriminali li tkun fil-pussess ta' dokumenti mill-FIAU. Pullicino Orlando staqsa wkoll jekk Casa ivverifikax id-dokumenti li għandu f'idejh biex ikun ċert li ma kienux miktuba apposta, biex imbagħad jispiċċaw għand xi ħadd. 

Intant ilbieraħ Casa qal li hu mhux se jibża mit-theddid u ddeskriva bħala 'għarukaża' li xi ħadd appuntat mill-Gvern jinċita l-arrest tiegħu. Casa sostna li hu se jkun qed jippublika dan id-dokument. 

Ara l-intervista sħiħa li kien għamel David Casa mal-gazzetta ILLUM illi fiha akkuża lill-PM Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri illi huma tradituri. 

 

 

 

More in Politika