'Ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali element fundamentali għall-istabbiltà fil-Libja'

Il-Ministru Abela esprima t-tħassib tiegħu fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Istati Uniti li jnaqqsu drastikament il-fondi lill-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (l-UNRWA)

“Huwa essenzjali li l-Unjoni Ewropea u l-komunità internazzjonali jibqgħu magħqudin fl-appoġġ tagħhom għall-ħidma ta’ faċilitazzjoni li qed twettaq in-Nazzjonijiet Uniti (NU) fil-Libja, għax il-Ftehim Politiku Libjan jibqa’ l-uniku qafas tranżizzjonali vijabbli”, qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin fi Brussell nhar it-Tnejn, it-22 ta’ Jannar 2018. “Ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali hija prerekwiżit għall-istabbiltà fil-Libja, u l-isforzi li qed isiru għall-prevenzjoni tal-kunflitti fost il-komunitajiet Libjani kif ukoll l-appoġġ internazzjonali li qed jingħata lill-Gvern ta’ Kunsens Nazzjonali jikkontribwixxu għal dan il-għan.”

Waqt sessjoni li ffukat fuq il-Libja, li matulha ħa sehem permezz ta’ telekonferenza r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u l-Kap tal-Missjoni ta’ Appoġġ tan-NU fil-Libja (UNSMIL) Ghassan Salamé, il-Ministru Abela qal li Malta tappoġġja bis-sħiħ it-triq ’il quddiem kif imħejjija mir-Rappreżentant Speċjali. Hu tkellem ukoll favur li r-Rappreżentant Speċjali jingħata appoġġ prattiku tanġibbli sabiex ikun jista’ jwettaq il-missjoni tiegħu. Żied jgħid li Malta tappoġġja u tilqa’ bi pjaċir l-impenn mifrux li jeżisti biex isiru l-elezzjonijiet—dment li jkun hemm is-sigurtà li tippermetti li jsiru—għax dan jixhed impenn biex il-proċess politiku jirnexxi.

Il-ministri tkellmu wkoll dwar l-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani. Fil-marġini tal-laqgħa tal-Kunsill, kellhom pranzu ta’ ħidma mal-President Palestinjan Mahmoud Abbas, li miegħu ddiskutew dwar il-proċess tal-paċi, ir-relazzjonijiet bilaterali, u żviluppi reġjonali.

Filwaqt li rrefera għaż-żjara uffiċjali li għamel fl-Art Imqaddsa f’Diċembru 2017 u semma kif it-tensjoni kienet evidenti, il-Ministru Abela tenna l-politika li Malta ilha tħaddan favur soluzzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ żewġ stati, bl-istat ta’ Ġerusalemm jiġi deċiż flimkien bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani permezz ta’ negozjati serji għall-paċi bejniethom. Huwa kkonferma li, f’konformità mal-konsensus internazzjonali, l-ambaxxata ta’ Malta fl-Iżrael se tibqa’ Tel Aviv.

Il-Ministru Abela esprima t-tħassib tiegħu fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Istati Uniti li jnaqqsu drastikament il-fondi lill-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (l-UNRWA), partikolarment minħabba li din se jkollha impatt sinifikanti fuq ir-refuġjati Palestinjani, l-aktar iż-żgħażagħ. Dan jista’ jwassal biex ġenerazzjoni li hija diġà vulnerabbli tkompli tħossha mwarrba. Malta se tibqa’ tappoġġja ill-UNRWA bil-fondi, li temmen bil-kbir li għandhom jibqgħu garantiti u prevedibbli.

More in Politika