Rapporti dwar ftehim mal-istess nies wara Vitals... 6 xhur qabel is-sejħa għall-offerti

Gazzetta tirrapporta li l-Gvern iffirma MOU mal-istess investituri wara l-Vitals qabel ma waslu l-offerti għat-tliet sptarijiet 

Rapporti fil-midja lbieraħ jgħidu li Memorandum of Understanding (MOU) kien iffirmat bejn il-Gvern u l-istess investituri wara l-Vitals Global Healthcare, sitt xhur qabel mal-Gvern ippubblika s-sejħa għall-offerti għall-operat ta’ tliet sptarijiet.

The Sunday Times irrappurtat kif dan l-MOU bl-ismijiet tal-persuni nvoluti fil-konċessjoni tal-isptarijiet kien iffirmat fl-10 ta’ Ottubru tal-2014 jew sitt xhur qabel is-sejħa għall-offerti.

Għalkemm MOU ma jkunx jorbot legalment, il-gazzetta tistaqsi jekk il-ftehim ma’ kienx diġà miftiehem mal-istess investituri wara Vitals Global Healthcare hekk kif l-MOU kien iffirmat qabel ma waslu l-proposti għall-konċessjoni.

Ir-rapport jgħid li l-MOU kien iffirmat mill-Ministeru għall-Ekonomija u Mark Pawley li huwa d-direttur ta’ Bluestone li hija l-kumpanija sid tal-Vitals.

Mark Pawley huwa wkoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Oxley Capital, li hija sid ta’ Bluestone. Firmatarji oħra huma d-Direttur ta’ Pivot Holdings Shoaib Walajahi u d-direttur ta’ Pivot Holdings Chaudry Shaukat Ali.

The Sunday Times tirrapporta wkoll li Pivot Holdings ġiet irreġistrat jum qabel ma ġie iffirmat dan il-Memorandum of Understanding u għandha l-istess indirizz ta’ Bluestone f’Raħal Ġdid.

S'issa ma kienx hemm stqarrija uffiċjali min-naħa tal-Gvern jew il-Ministeru għas-Saħħa b’risposta għal dan ir-rapport.

It-trasferiment tal-konċessjoni tal-isptarijiet minn Vitals lil Steward kienet fil-qofol ta’ kontroversja fil-ġranet għaddew mhux biss minħabba ż-żmien qasir li fih Vitals ċedew din il-konċessjoni.

L-ILLUM kienet irrappurtat kif il-ħaddiema ġew infurmati bil-bejgħ tal-isptarijiet lil Steward wara li tħabbar.

Il-kirurgu Albert Fenech, Membru tal-Bord tal-VGH, żvela mal-ILLUM kif kuntrarjament għal dak li seta’ nftiehem fl-istqarrija tal-Gvern, s’issa m’hemm ebda bejgħ u kollox għadu fi stadju ta’ diskussjonijiet.

Sar magħruf ukoll li l-Gvern kien intrabat li jħallas 80 miljun lil Vitals meta l-art u l-isptarijiet jeħodhom lura. Is-sitwazzjoni qed twassal biex it-tmexxija tal-iskola ta’ Barts tinsab urtata bl-aħħar żviluppi u dwar il-bini fejn suppost li se tkun qed taħdem f’Għawdex.

Tista’ taqra s-saga kollha tal-Vitals hawnhekk.

More in Politika