1% biss tal-assi tat-terroristi jiġu kkonfiskati fl-Ewropa

  • Regoli aktar b’saħħithom li jħaffu l-iffriżar tal-assi tat-terroristi
  • Ħidma aktar biex ma jkunx hemm sorveljanza żejda fuq iċ-ċittadini

Huwa mistenni li Malta tkompli ssaħħaħ l-isforzi kontra l-kriminalità hekk kif l-Ewropa tinsab fit-triq li tapprova rakkomandazzjonijiet li l-Parlament Ewropew qed iressaq għall-iffriżar tal-assi u l-flus ta’ persuni li jinstab li huma parti minn ċrieki kriminali jew terroristi. Dan hekk kif il-Kumitat LIBE tal-Parlament Ewropew approva rapport tal-MEP Franċiża tal-Liberali Nathalie Griesbeck.

Fl-Ewropa, Qorti tista’ tordna l-ikkonfiskar tal-flus, jew propjetà jew assi ta’ persuna, li tinstab li hija assoċjata mat-terroriżmu jew fil-kriminalità. Dan l-iffriżar u l-ikkonfiskar tal-assi jitqies bħala mod effettiv sabiex terroristi ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-attakki terroristiċi li jkollhom il-ħsieb li jwettqu. Il-EUROPOL iżda tqis li huma biss 1.1% jew €1.2 biljun tal-assi tal-kriminali li fil-verità jiġu kkonfiskati mill-Qrati.

Ordni għall-ikkonfiskar tal-assi issa jista’ joħroġ ukoll jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet mill-ġustizzja

Bid-dħul fis-seħħ tar-rakkomandazzjonijiet fir-rapport ta’ Griesbeck, se jkun ferm aktar faċli li pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea jitlob l-ikkonfiskar jew l-iffriżar tal-assi, li persuna jista’ jkollha f’pajjiż ieħor tal-Unjoni. Dan għaliex l-ordni tal-ikkonfiskar jista’ joħroġ anke jekk l-assi ma jkunux dħul direttament mill-kriminalità li tkun twettqet, jekk l-assi jkunu ta’ persuni terzi, jew jekk il-persuna akkużata taħrab lill-forzi tal-ordni u għalhekk ma tiskontax priġunerija. Ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu wkoll kumpens mgħaġġel lill-vittmi jew lill-familjari tagħhom.

L-MEPs iridu li l-ikkonfiskar isir fi żmien 20 ġurnata u mhux f’60 ġurnata kif oriġinarjament irrakkomandat il-Kummissjoni Ewropea. Dan sabiex il-kriminali ma jkollhomx ċans li jċaqalqu l-assi tagħhom.

F’Diċembru tal-2016, bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni kontra l-finanzjament tat-Terroriżmu, il-Kummissjoni Ewropea kienet ressqet regolamenti Ewropej ġodda bħala direttiva li tikkriminalizza l-ħasil tal-flus. Il-miżuri jinkludu, infurzar fuq il-kontroll tal-flus, b’tisħiħ tal-kontrolli fuq persuni li jidħlu jew jitilqu mill-Unjoni Ewropea b’€10,000 jew aktar fi flus kontanti, li l-possibilità li l-awtoritajiet ikunu jistgħu jaġixxu fuq l-ammonti inqas meta jkun hemm suspett.

Dan filwaqt li jissaħħaħ il-qsim tal-informazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Unjoni. L-iffiżar u l-ikkonfiskar ta’ assi finanzjarji bejn pajjiż u ieħor mistenni li jwassal għal strument uniku.

Hekk kif il-Kumitat LIBE b’47 vot favur approva r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta’ Griesbeck, ir-rapport mistenni li jitressaq għall-vot fil-plenarja tal-Parlament Ewropew u meta dan jiġi approvat jibdew id-diskussjonijiet mal-Ministri fil-Kunsill Ewropew. Il-liġijiet Ewropej il-ġodda jidħlu fis-seħħ fi żmien sitt xhur.

Parallela għaddeja d-diskussjoni sabiex tagħmir ta’ sorveljanza ma jintużax bi skop ta’ spjunaġġ fuq in-nies

Hekk kif kwistjoni bħal din tista’ tqajjem id-diskussjoni fuq kontroll żejjed fuq iċ-ċittadini, fl-Ewropa komplew il-miżuri sabiex tagħmir ta’ sorveljanza ġenerali ma jintużawx għall-iskop li jikkontrollaw lin-nies, bi ksur tad-drittijiet fundamentali. L-Unjoni Ewropea għandha regoli sabiex tara li tagħmir teknoloġiku għall-użu tal-kontroll ċivili fl-Ewropa ma jispiċċax jintuża għall-abbuż jew għal skopijiet oħra meta dan jiġi esportat.

Fost it-tibdil ewlieni li qed jintalab li jsir huwa biex tissaħħaħ il-prevenzjoni mill-abbuż ta’ teknoloġija tas-sorveljanza, li reġim awtoritarju jista’ juża sabiex jispija lin-nies, kemm biex ikun hemm aċċess ta’ kompjuters jew interċettar ta’ mowbajls. It-tħassib jirrigwardja li tagħmir teknoloġiku bħalma pereżempju huma reatturi nukleari, li l-għan primarju tagħhom ikun għall-enerġija jispiċċaw fl-armi jew missili.

More in Politika