Eks CEO Russu ta' bank taħt investigazzjoni mill-FBI... isir Malti

Alexey Marey huwa wieħed minn 730 persuna Russa li saru Maltin u li isimhom jidher fil-lista li ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern

Alfa Bank fir-Russja
Alfa Bank fir-Russja

Minn analiżi li għamlet l-ILLUM tal-lista li ppubblika l-Gvern u li fiha hemm il-persuni li ngħatatilhom ir-residenza u ċ-ċittadinanza jirriżulta li b’kollox hemm 730 persuna Russa, li saru ċittadini Maltin matul l-2016.

Fost din il-lista tal-persuni Russi hemm Alexey Marey, li sa Novembru li għadda kien il-Kap Eżekuttiv ta’ bank Russu, bl-isem ta’ Alfa Bank. Alexey Marey kien ingħaqad mal-Alfa Bank fl-2004 u f'Mejju tal-2012 kien inħatar Kap Eżekuttiv tal-Bank.

Huwa rriżenja f’Novembru li għadda. F’Marzu tal-2017, fiż-żmien meta hu kien qed jokkupa din il-kariga, l-FBI kienu fetħu investigazzjoni dwar allegazzjonijiet fuq l-Alfa Bank.

Il-midja internazzjonali kienet irrappurtat li l-investigazzjoni tal-FBI kienet qed tikkonċentra fuq allegazzjoni dwar konnessjonijiet li l-Alfa Bank seta’ kellu mal-organizzazzjoni Trump, tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump.

Il-midja Amerikana, fosthom is-CNN, kienet irrappurtat li ‘server’ tal-Alfa Bank fir-Russja kien kontinwament qed jagħmel kuntatt u konnessjoni ma’ ‘server’ ieħor tal-organizzazzjoni Trump, li kien mixgħul fi Trump Tower u dan matul iż-żmien tal-kampanja elettorali ta’ Donald Trump. L-Alfa Bank kien ċaħad din l-allegazzjoni u saħaq li kien safa vittma ta’ ‘hackers’.

L-allegazzjoni ta’ ndħil li seta’ sar mill-Kremlin matul il-kampanja Presidenzjali tal-Istati Uniti, għamlet żmien u nistgħu ngħidu għadha qed tiddomina l-aħbarijiet internazzjonali matul dawn l-aħħar xhur. L-investigazzjonijiet tal-FBI għadhom għaddejjin.

Alexey Marey li fiż-żmien meta kien CEO, l-Alfa Bank kien investigat mill-FBI... illum huwa Malti
Alexey Marey li fiż-żmien meta kien CEO, l-Alfa Bank kien investigat mill-FBI... illum huwa Malti

Investigazzjoni f’fergħa tal-Alfa Bank fl-Olanda fuq allegat ħasil tal-flus

Jirriżulta wkoll li f’Diċembru, ftit tal-jiem wara li Alexey Marey kien irriżenja mill-pożizzjoni ta’ tmexxija li kellu f’dan il-bank, l-Awtorità Finanzjarja Olandiża (FIU) kienet wettqet tfittxija f’fergħa li l-bank Alfa Bank kellu fl-Olanda, magħrufa bħala Amsterdam Trade Bank (ATB). Ir-rejd kien sar fuq suspetti li dan il-bank kien involut f’ħasil tal-flus.

Kif irrappurtat fil-midja barranija fosthom Reuters, Marieke Van Der Mole, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur fl-Olanda (FIOD), it-tfittxija saret bħala parti mill-investigazzjonijiet kriminali mill-awtoritajiet.

Fi stqarrija, il-prosekutur kien saħaq li kien “suspettat li l-Amsterdam Trade Bank (ATB) kien kiser il-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus, billi żamm mistur informazzjoni dwar tranżazzjonijiet mhux tas-soltu magħmula mill-klijenti tal-bank.” L-Uffiċċju tal-Prosekutur fl-Olanda kien elenka wkoll kif il-fergħa Olandiża tal-Alfa Bank, kienet naqset milli twettaq ‘due diligence’ fuq il-klijenti.

L-Alfa Bank huwa l-akbar bank kummerċjali privat li hemm fir-Russja u kien twaqqaf min-negozjant Russu Mikhail Fridman. L-Alfa Bank huwa preżenti f’seba’ pajjiżi u jipprovdi servizzi finanzjajri lil aktar minn 40,000 kumpanija u aktar minn 5 miljun klijent, il-maġġorparti tagħhom huma kummerċjanti.

Alfa Bank huwa primarjament preżenti fis-Russja, l-Ukrajina u pajjiżi tal-eks Unjoni Sovjetika. L-ATB, il-fergħa Olandiża tal-Alfa Bank, tagħmel parti mill-Alfa Bank Group, li mir-rapport finanzjarju anwali tal-bank jirriżulta li l-assi totali ta’ dan il-grupp jammontaw għal xejn anqas minn €1.3 biljun.

Wara li kien irriżenja mill-pożizzjoni tiegħu fil-bank qabel dan ir-rejd fil-fergħa Olandiża, minkejja li xtara ċ-ċittadinanza Maltija, Marey iddeċieda li flimkien mal-familja jirriloka ruħu f’Londra fir-Renju Unit.

Il-lista tar-Russi sta beneli saru Maltin ma tiqafx biss ma’ Alexey Marey

Fi tmiem is-sena li għaddiet, il-Gvern Malti kien ippubblika l-lista li tinkorpora miljunarji li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija. L-ismijiet kienu ġew ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern, flimkien ma’ ismijiet ta’ persuni oħra li saru ċittadini Maltin ‘b’mod naturali’.

Il-blokk tar-Russi huwa fost l-akbar f’din il-lista, flimkien ma’ oħrajn ta’ nazzjonalità Għarbija u Ċiniża li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija. Il-fundatur tas-‘search engine’ Yandex li hija mlaqqma l-Google Russa, l-akbar distillatur tal-Vodka fid-dinja u l-aġent tal-plejer Yaya Touré fost dawk li saru ċittadini Maltin.

Arkady Volozh il-fundatur tas-'search engine' Yandex
Arkady Volozh il-fundatur tas-'search engine' Yandex

Arkady Yurievich Volozh twieled fil-11 ta’ Frar tal-1964 f’Atyrau fil-Każakistan, huwa l-fundatur tas-‘search engine’ Russa Yandex li huwa waqqaf fl-1997. Huwa stmat li Volozh għandu ġid li jammonta għal madwar €900 miljun.

Dmitry Selyuk espert tat-trasferimenti tal-plejers
Dmitry Selyuk espert tat-trasferimenti tal-plejers

Dmitry Selyuk huwa espert fis-suq tat-traferimenti tal-plejers fl-Afrika u jirrappreżenta lil Yaya Touré, il-plejer famuż ta’ Manchester City. Huwa jirrappreżenta wkoll għadd ta’ plejers oħra fosthom lil Lacina Traore, Sani Keita, Francisco Zuela, Svyatoslav Sirota u Jackson Coelho.

Boris Mints il-propjetarju tal-kumpanija O1 Properties
Boris Mints il-propjetarju tal-kumpanija O1 Properties

Boris Mints huwa l-propjetarju tal-kumpanija tal-investimenti O1 Properties, li hija bbażata f’Ċipru. Fl-2014, Mints kien biegħ 12% tal-ishma tal-grupp O1 Properties lil Goldman Sachs International.

Alexander Mechetin il-fundatur tal-grupp Beluga
Alexander Mechetin il-fundatur tal-grupp Beluga

Alexander Mechetin huwa l-fundatur u tal-Kap tal-grupp Beluga, li hija l-akbar kumpanija tax-xorb alkoħoliku fir-Russja. Mechetin għandu aktar minn 20 sena esperjenza f’din l-industrija. Mechetin huwa membru tal-bord ta’ unjin Russa tal-manifatturi tal-prodotti alkoħoliċi.

B’kollox hemm 730 persuna Russa li saru ċittadini Maltin matul l-2016
B’kollox hemm 730 persuna Russa li saru ċittadini Maltin matul l-2016

X’inhu l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment (IIP)?

Skont il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment (IIP), l-applikanti jridu jħallsu s-somma ta’ €650,000 lill-Gvern kif ukoll jixtru proprjetà li tammonta għal €350,000. Inkella  l-applikanti huma meħtieġa jikru proprjetà b’kirja ta’ €16,000 fuq medda ta’ ħames snin.

Notevolment, fost il-ħafna skemi ta’ bejgħ ta’ ċittadinanza madwar l-Ewropa, Malta hu l-uniku pajjiż li finalment jippubblika l-ismijiet ta’ dawk l-individwi li jħallsu biex jixtru ċ-ċittadinanza.

Il-Gvern ħabbar li se jniedi konsultazzjoni pubblika dwar it-tiġdid tal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investment. Identity Malta infurmat li din il-konsultazzjoni pubblika se tkun qed tħares lejn il-kriterji obbligatorji għaċ-ċittadini prospettivi. 

More in Politika