Jirriżenja d-Direttur Informazzjoni tal-PN

Huwa kien beda dan l-inkarigu fit-13 ta' Novembru li għadda

L-ILLUM hija infurmata li rriżenja li d-Direttur tal-Uffiċċju Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista David Bonello.

Huwa kien beda din il-kariga mit-13 ta’ Novembru li għadda wara li n-nomina tiegħu kienet ġiet approvata mill-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista.

David Bonello kien is-suċċessur ta’ Matthew Bonett li kien okkupa din il-kariga għal tliet snin u llum huwa l-Kelliem għall-grupp tal-Partit Popolari Ewropew fi Brussell.

David Bonello għamel 14-il sena jaħdem fil-midja u x-xandir. Fl-2007 kien beda l-karriera ġurnalistika tiegħu mar-radju XFM u kompla mal-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ NET Television.

Fl-2012 huwa kien ingħaqad ma’ Television Malta bħala ġurnalist. Qabel kien inħatar Direttur tal-Uffiċċju Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, huwa kien assistent lokali fl-Uffiċċju tal-MEP Francis Zammit Dimech.

L-ILLUM ippruvat tagħmel kuntatt ma’ David Bonello iżda t-telefonati ma ġewx imwieġba.

More in Politika