David Casa jagħti evidenza ġdida dwar il-Pilatus lill-Bank Ċentrali Ewropew

Jgħid li l-bank Pilatus twaqqaf bħala organizzazzjoni għall-ħasil tal-flus

Il-Kap tad-delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa ressaq evidenza dwar il-bank Pilatus f’rapport li għadda lill-Bank Ċentrali Ewropew.

Kienet l-ILLUM li żvelat kif il-Bank Ċentrali Ewropew jinsab fi stadju avvanżat li jieħu pożizzjoni dwar it-talba li saritlu minn David Casa sabiex tiġi revokata l-liċenzja tal-bank Pilatus.

David Casa sostna li minn din l-evidenza ġdida qed jikkonkludi li l-bank twaqqaf bħala organizzazzjoni għall-ħasil tal-flus, bil-ħaddiema jingħataw struzzjonijiet li jiffabrikaw karti li jiġġustifikaw tranżazzjonijiet suspettużi.

David Casa għadda wkoll lill-bord tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-konklużjonijiet ta-rapport reċenti tad-delegazzjoni tal-MEPs dwar is-saltna tad-dritt.

Dan ir-rapport ġie mgħoddi minn Ana Gomes, li kienet il-Kap tad-Delegazzjoni tal-MEPs, lill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi u liċ-Chairperson tal-Awtorità Bankarja Ewropea Andrea Enria.

L-MEP tal-PN David Casa qal li t-talba li huwa għamel lill-Bank Ċentrali Ewropew sabiex jintervjeni fuq il-każ tal-bank Pilatus hija pożizzjoni li r-rappreżentanti tal-gruppi politiċi kollha fil-Parlament Ewropew jaqblu magħha.

More in Politika